Tħabbret il-mewt tad-39 President tal-Istati Uniti, Jimmy Carter, fl-età ta’ 100 sena.
Dan wara li, Carter kien qiegħed ibati minn problemi ta’ saħħa fosthom melanoma, kanċer terminali, li nfirixlu lejn il-fwied u lejn moħħu.
James Earl Carter Jr. twieled fl-ewwel ta’ Ottubru tal-1924, f’Georgia, l-Istati Uniti.
Huwa iben James Earl, li kien bidwi u negozjant, filwaqt li ommu Lillian Gordy kienet infermiera.
Carter irċieva l-edukazzjoni tiegħu fi skola pubblika f’Gerogia stess u aktar tard gradwa mill-Akkademja Navali tal-Istati Uniti fl-1946.
Tul il-karriera tiegħu fil-qawwa navali Amerikana huwa serva fis-sottomarini f’missjonijiet fl-oċean Atlantiku u dak Paċifiku sakemm sar uffiċjal għoli ta’ sottomarin nukleari.
Huwa żżewweġ lil Rosalynn Smith fl-1946 u fl-1953 irriżenja mill-kummissjoni navali tiegħu wara l-mewt ta’ missieru, meta rritorna lejn il-familja tiegħu fejn ħa ħsieb l-irziezet tal-familja.
Fl-1962 huwa rebaħ l-elezzjoni għas-Senat tal-Georgia, u imbagħad fl-1971 ġie elett bħala l-Gvernatur tal-Istat ta’ Georgia.
Tliet snin wara, f’Diċembru tal-1974, Carter ħabbar il-kandidatura tiegħu għall-Presidenza Amerikana, fejn aktar tard rebaħ in-nominazzjoni tal-Partit Demokratiku.
Kien fit-tnejn ta’ Novembru tal-1976 meta Jimmy Carter ġie elett President tal-Istati Uniti wara li għeleb lir-Repubblikan Gerald Ford, li serva bħala President għat-terminu ta’ qabel.
B’hekk, Carter ħa t-tmun tal-Istati Uniti uffiċjalment fl-20 ta’ Jannar tal-1977, meta sar id-disgħa u tletin President tal-Istati Uniti.
Jimmy Carter jibqa’ magħruf għas-sensiela ta’ suċċessi fil-politika barranija li għamlet l-Istati Uniti tul il-presidenza tiegħu, fost l-oħrajn b’diversi trattati u bidu ta’ relazzjonijiet diplomatiċi.
Fil-fatt, Carter ħadem għall-paċi bejn l-Iżrael u l-Eġittu, għamel trattat ma’ dik li dak iż-żmien kienet l-Unjoni Sovjetika, u stabbilixxa relazzjonijiet diplomatiċi maċ-Ċina.
F’pajjiżu, Carter ħadem fuq bosta setturi. Ġab titjib fl-enerġija u d-deregolarizzazzjoni kemm tas-settur tal-enerġija nnifsu kif ukoll tat-trasport, il-komunikazzjoni, u tas-settur finanzjarju.
Taħtu bħala President tnedew diversi programmi, fosthom dawk dwar l-edukazzjoni u inizjattivi oħrajn marbuta mal-ambjent tal-Istati Uniti.
Jimmy Carter, madanakollu, tilef l-elezzjoni tal-1980 meta r-Repubblikan Ronald Raegan ġibed aktar simpatija mill-elettorat Amerikan u sar l-erbgħin President tal-Istati Uniti.
Intant, wara l-ħajja politika tiegħu, Carter ippubblika xejn inqas minn tnejn u tletin ktieb.
Fl-2002, huwa ġie rikonoxxut għax-xogħol politiku tiegħu permezz tal-Premju Nobel tal-Paċi.
Sadanittant il-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono, wasslet il-kondoljanzi tagħha wara l-mewt tad-39 President tal-Istati Uniti tal-Amerika, Jimmy Carte u qalet li huwa jibqa’ mfakkar għall-impenn tiegħu għall-paċi, ir-restawr tal-moralità u l-verità fil-politika u, wara l-irtirar tiegħu, bħala umanitarju.
Hekk għamel ukoll il-Prim Ministru ta’ Malta, Robert Abela fuq il- media soċjali , u sostna li Jimmy Carter kien verament champion tal-paċi u d-drittijiet tal-bniedem.
Former US President Jimmy Carter was a true champion of peace & human rights. His legacy will live on through his unwavering dedication to justice & civil rights. An extraordinary man who inspired the world. – RA
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) December 29, 2024