Aktar kmieni dalgħodu tħabbret il-mewt tal-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona fl-età ta’ 79 sena.
Fi stqarrija l-Kurja qalet li Cremona ħalla din id-dinja fl-nofsillejl nieqes ħamsa tal-bieraħ, fl-Isptar Mater Dei.
Bijografija
Monsinjur Pawlu Cremona twieled fil-25 ta’ Jannar tal-1946 fil-Belt Valletta u kien it-tifel ta’ Joseph u Josephine.
Huwa ħa l-edukazzjoni primarja tiegħu fl-Iskola fil-Belt u wara l-Liċeo l-Ħamrun.
F’Settembru tal-1962, l-Arċisqof Emeritus ingħaqad mal-Ordni Dumnikana. Hawnhekk huwa beda jistudja l-Filosofija u t-Teoloġija fil-Kulleġġ tad-Dumnikani r-Rabat.
Fit-22 ta’ Marzu tal-1969, Pawlu Cremona ġie ordnat bħala saċerdot.
Wara l-ordinazzjoni tiegħu bħala saċerdot, Monsinjur Cremona kompla jistudja t-Teoloġija ġewwa l-Universita Pontifiċja f’Ruma, fejn fl-1973, gradwa f’Dottorat fit-Teoloġija.
Bejn l-1974 u l-1980, huwa kien Pirjol fil-Kunvent ta’ Sidtna Marija tal-Għar fir-Rabat. Kien ukoll Pirjol f’dan l-istess kunvent bejn l-1997 u l-2003.
Fl-1981, Monsinjur Pawlu Cremona kien intgħażel sabiex iservi bħala Provinjal tal-Provinċja Dumnikana Maltija. F’dan l-irwol huwa serva għal żewġ perjodu ta’ erba’ snin.
Fl-1989, mat-tmiem tal-ħidma tiegħu bħala Provinċjal, huwa sar Kapillan tal-Paroċċa ta’ Sidtna Marija tar-Rużarju ta’ Fatima, fi Gwardamangia.
Bejn l-1993 u l-1997, Monsinjur Pawlu Cremona kien responsabbli mill-Formazzjoni tan-Novizzi u l-iStudenti Dumnikani fir-Rabat. Huwa reġa’ serva f’dan l-irwol ukoll bejn l-2004 u l-2005.
Fl-2005, huwa nħatar Kappillan tal-Parroċċa ta’ Ġesu’ Nazzarenu, f’Tas-Sliema.
Imbagħad, fit-2 ta’ Diċembru tal-2006 tħabbret in-nomina ta’ Pawlu Cremona bħala Arċisqof ta’ Malta, minflok Monsinjur Joseph Mercieca.
Monsinjur Pawlu Cremona ġie kkonsagrat f’dan l-irwol fis-26 ta’ Jannar tal-2007, fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann il-Belt.
Tul it-tmexxija tiegħu, Monsinjur Cremona kien maħbub minn diversi nies u wassal il-kelma ta’ Alla, anki permezz tal-messaġġ; “Ħejju t-triq għall-Mulej.”
Il-perjodu tat-tmexxija tiegħu, ma kienx wieħed faċli, minħabba akkużi ta’ abbuż sesswali minn membri tal-kleru, l-introduzzjoni tad-divorzju u anki l-introduzzjoni tal-unjoni ċivili.
Fis-17 ta’ Ottubru tal-2014, Monsinjur Pawlu Cremona tefa’ r-riżenja tiegħu minn Arċisqof ta’ Malta u din ġiet aċċettata mill-Papa Franġisku.