Għawdex se jerġa’ jqum għall-okkażjoni biex bejn il-Ġimgħa 3 u l-Ħadd 5 ta’ Mejju tittella’ t-tieni edizzjoni ta’ Gozo Alive, tlett ijiem ta’ spettaklu, kultura u tradizzjonijiet li żgur se jolqtu l-gosti ta’ kull min se jżur il-gżira Għawdxija.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li t-tħejjijiet għal din l-attività ilhom li bdew b’tim iffurmat apposta biex jassigura li joffri programm ta’ attivitajiet imżewqa u li jilħaq udjenza wiesgħa.
Spjegat kif se jkunu tlett ijiem ippakjati bi spettaklu minn bands, artisti u DJs lokali u anke internazzjonali, flimkien ma’ logħob tan-nar, esebizzjonijiet, sfilata tal-moda u attivitajiet għat-tfal.
Gozo Alive se jkunu tlett ijiem li matulhom Għawdex se jilbes libsa differenti u jieħu l-ħajja b’attivitajiet varji li jwasslu għall-akbar ċelebrazzjoni ta’ kultura u spettaklu biex iservu ta’ esperjenza sabiħa u divertenti.