Waqt żjara li għamel il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett ġewwa l-Istitut Internazzjonali għal-Liġi Marittima (IMLI), huwa segwa mill-qrib il-potenzjal li għandu pajjiżna u l-impenn li għandu l-Gvern favur l-edukazzjoni marittima u l-kooperazzjoni internazzjonali.
Fl-istess żjara il-ministru ħabbar għajnuna finanzjarja akbar għall-IMLI sas-sena 2028, bħala estensjoni tal-ftehim oriġinali ffirmat mal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) f’Mejju tal-1988. Din l-għajnuna tinkludi allokazzjoni ta’ darba għar-rinnovazzjoni tal-binja tal-IMLI ġewwa l-Campus tal-Università, sabiex isiru tiswijiet essenzjali u jiġu aġġornati l-faċilitajiet eżistenti.
Huwa tenna l-impenn ta’ Malta li tappoġġja lill-IMLI fil-missjoni tagħha li teduka ġenerazzjoni ġdida ta’ avukati marittimi internazzjonali. Huwa enfasizza l-importanza li jinżammu istituzzjonijiet bħal l-IMLI ġewwa Malta, b’kontribut dirett għat-tmexxija marittima internazzjonali t’għada u għall-iżvilupp sostenibbli.