L-istrateġija għall-Kottonera bdiet tieħu l-forma tant li tlesta l-ewwel abbozz.
Ikkonferma dan id-Deputat Parlamentari Glenn Bedingfield li iktar kmieni din is-sena nħatar mill-Prim Ministru biex imexxi t-tfassil ta’ din l-istrateġija.
Kollox beda meta f’Jannar li għadda l-Prim Ministru mexxa laqgħa dwar il-Kottonera li għaliha attendew diversi persuni li għandhom interess dirett f’din iż-żona tal-pajjiż.
Bedingfield qal li “Minn din il-laqgħa ħareġ li rridu niffokaw il-ħidma fuq il-Kottonera biex tgawdi mill-iżvilupp ekonomiku li għaddej f’pajjiżna. Peró mhux biss mill-iżvilupp ekonomiku. Il-Kottonera għandha bżonn żvilupp iktar soċjali u kulturali għax il-beni kulturali li għandna jistgħu jservu wkoll bħala mezz ta’ għixien għan-nies li jgħixu f’dawn l-inħawi.”
L-istrateġija għadha fi stadju bikri u wara analiżi tagħha trid tinfetaħ għall-konsulazzjoni pubblika. Għalkemm is-sabiħ hu li anke fl-istadju bikri tagħha rat x’setgħu jridu n-nies.
Spjega li “Bdejna dan il-pjan ta’ strateġija li jrid jolqot lin-nies. Inutli tagħmel riġenerazzjoni tal-ġebel jekk ma tgħamilx riġenerazzjoni tan-nies. Tkellimna man-nies u rajna xi jridu jaraw, jew xi jridu jibdlu jew x’jixtiequ li jżommu l-istess.”
Jirriżulta li mill-istħarriġ li sar n-nies tal-Kottonera jogħġobhom l-ambjent li jgħixu fih bin-nies ta’ Bormla jiddeskrivu r-restawr ta’ baċir numru wieħed bħala bidla pożittiva ewlenija.
Fost l-affarijiet li r-residenti jqisu bħala prijorità hemm il-ħtieġa ta’ iktar servizzi għall-anzjani nkluż residenzi.
Minn naħa l-oħra l-parkeġġ jibqa’ fost it-tħassib tar-residenti, speċjalment dawk Sengleani.
Bedingfield spjega kif se jkun hemm taħlita ta’ miri bħala parti mill-istrateġija u daqstant ieħor ivarjaw il-proġetti li mistennija jkunu proposti.
Beddingfield qal li “Hemm numru ta’ proġetti infrastrutturali. Iżda, mhux biss. Qed nipproponu biex nkunu qed naħdmu ħafna fil-qasam soċjali u fil-qasam edukattiv.”