Biex jitfakkar it-80 anniversarju mill-invażjoni storika ta’ Sqallija mill-Alleati, fid-Dar tal-Mediterran għall-Konferenzi qed jiġi jorganizzat weekend ta’ attivitajiet bejn l-4 u s-6 ta’ Awwissu li jinkludu wirja fis-Sala Sacra Infermeria bis-sehem ta’ diversi gruppi ta’ reċtar, u kunċerti fis-Sala tar-Repubblika.
L-ewwel kunċert se jsir nhar il-Ġimgħa 4 ta’ Awwissu fit-20:30, bis-sehem tal-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta mmexxija mis-Surmast Jonathan Borg. It-tieni kunċert se jsir is-Sibt 5 ta’ Awwissu fit-20:30 u se jinkludi l-Goldberg Ensemble immexxi mis-Surmat Michael Laus.
F’isem id-Dar tal-Mediterran għall-Konferenzi, iċ-Chairman Kenneth Spiteri, spjega s-sinifikat li ċerti anniversarji għandhom għall-post minħabba r-relazzjoni intrinsika tal-bini mal-istorja ta’ Malta b’referenza speċifika għat-Tieni Gwerra Dinjija. Bħala attrazzjoni ewlenija għal eluf ta’ turisti, Dar il-Mediterran għall-Konferenzi għandha ħafna x’tikkontribwixxi biex tfakkar avvenimenti bħal dawn.
Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet, li fiha tħabbru d-dettalji, kien hemm il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, u l-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Bonnici saħaq dwar l-importanza li nfakkru l-istorja u li ngħadduha lill-ġenerazzjonijiet li telgħin. Hu spjega li b’hekk jiġi żgurat li l-ġenerazzjoni t’għada tkun konxja minn dak li għaddew missirijietna waqt żminijiet ta’ prova.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Bartolo qal li t-turiżmu storiku f’Malta mhux biss jenfasizza l-istorja rikka tal-pajjiż, iżda jikkontribwixxi wkoll għat-tkabbir ekonomiku tiegħu, il-preservazzjoni kulturali u l-iżvilupp tal-komunità, billi jħaddan u jippromwovi l-wirt storiku ta’ pajjiżna.
Il-biljetti huma għall-bejgħ minn fuq is-sit showshappening.com.
Dan l-avveniment qed jiġi appoġġjat mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), l-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta (VCA) u l-Arts Council Malta, bis-sehem tal-Forzi Armati ta’ Malta.