Oġġett li jidher qisu bużżieqa fis-smewwiet qed jiġi investigat mill-ogħla awtoritajiet Amerikani, minħabba suspett li huwa eżerċizzju ta’ spjunaġġ miċ-Ċina.
Il-bużżieqa għandha dijametru simili għat-tul ta’ tlett karozzi tal-linja u dehret għal-ewwel darba lbieraħ fuq l-istat ta’ Montana.
Uffiċjali Amerikani qalu li din mhix l-ewwel darba li ntuża oġġett li jixbaħ lil bużżieqa għall-fini ta’ spjunaġġ, minħabba li l-materjal li minnu hi magħmula huwa irħis, faċli biex ikun ikkontrollat, u ma jħallix traċċi. Metodu bħal dan imur lura għall-gwerra l-bierda.
Iżda għalkemm iċ-Ċina ġieli wżat tattiċi simili, din il-bużżieqa tidher li qed taġixxi b’mod differenti u aktar persistenti.
Skont uffiċjali Amerikani, il-bużżieqa dehret fuq numru ta’ postijiet meqjusa sensittivi għas-sigurtà Amerikana. Skont esperti li tkellmu mal-mezzi tax-xandir, din x’aktarx qed tiġbor informazzjoni dwar is-sistemi tal-komunikazzjoni u r-radars tal-Istati Uniti.
Uffiċjali Amerikani qalu li aġixxew biex jiżguraw li l-bużżieqa ma tiġbor l-ebda informazzjoni sensittiva. Madanakollu ddeċidew li ma jisparawx lejn din il-bużżieqa, minħabba r-riskju għall-ħajjiet u l-proprjetà tan-nies, hekk kif jaqgħu biċċiet minnha.
Kitba: Luigi Sghendo