It-42 edizzjoni tal-festival L-Għanja tal-Poplu ser tittella’ is-Sibt l-1 ta’ Settembru 2018 fi Pjazza Teatru Rjal il-Belt. Is-16-il kanzunetta finalista li ntgħażlu minn fost 137 ser jinstemgħu akkumpanjati mill-Malta Concert Orchestra li ser tkun komposta minn 40 mużiċist taħt id-direzzjoni ta’ Maestro Joe Brown u Maestro Paul Abela.
Is-Sur Charles Schembri, ċermen tal-festival ħabbar li ġurija magħżula minn fost il-pubbliku u oħra esperta ser tkun qed tagħżel il-kanzunetti rebbieħa. Huwa qal ukoll li dan huwa festival mill-Maltin għall-Maltin. Tul dawn it-42 edizzjoni, mijiet ta’ artisti kkontribwew b’xogħolhom filwaqt li dejjem laqtu l-immaġinazzjoni u l-entużjażmu tal-pubbliku Malti.
Il-preżentaturi ta’ dan il-festival ser ikunu Kim Dalli u Owen Bonnici. Il-biljetti għal dan il-festival jistgħu jinkisbu minn www.ticketline.com.mt u hemm prezzijiet speċjali ta’ €10 sal-10 t’Awissu.