Infetħet gwerra bejn Lou Bondi u Daphne Caruana Galizia. Kien permezz ta’ Facebook li Bondi żvoga, u qal li Daphne għamlet lilu dak li beża’ li kien se jiġrilha meta l-cameras iffilmjawh f’darha jgħid “tistgħu tgħiduli x’qed jiġri hawn?”
Caruana Galizia allegat li Bondi ħadem ta’ intermedjarju għall-Gvern. B’reazzjoni Bondi qal dak li konna nafu: li wara li nħatar fuq il-bord tal-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali, ma waqafx jaqla’ kritika.
Bondi, magħruf li tant qabeż għal Daphne, qal li qatt ma stenna gratitudni mingħandha. Iżda, imniggeż fil-laħam il-ħaj qal li qatt ma stenna dan it-tip ta’ attakk minnha.
Lou Bondi kiteb li Caruana Galizia hija ipokrita għaliex qatt ma kitbet l-istess fuq sensiela ta’ nies li aċċettaw jagħmlu xogħol.
Fi status tawwali, kiteb li Caruana Galizia attakkatu għax ma jatix priorità lill-uliedu u minn hemm ‘l quddiem ma kellimiex aktar. Imbagħad ilmenta li kitbitlu SMS meta seħbitu (il-partner) kienet qiegħda twelled. Għaraf li dawn huma detallji li seħħew fl-aħħar tliet snin u li huma insinnifikanti meta tqis kollox, iżda permezz tagħhom emfasizza kemm kapaċi tasal il-blogger tal-Bidnija biex tkisser ħajjet in-nies.
L-istatus ta’ Lou Bondi kien sorpriża għal ħafna u mhux ta’ b’xejn qed jistaqsu x’qed jiġri hawn.