Nhar il-Ħamis 8 ta’ Diċembru, Heritage Malta se tiftaħ kważi l-mużewijiet u s-siti kollha tagħha b’xejn bl-eċċezzjoni tat-Tempji Ta’ Ħaġrat u Skorba, il-Katakombi Ta’ Bistra, il-Kmamar Statali tal-Palazz tal-Granmastru, l-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni u l-Mużew Nazzjonali tal-Arti li jinsab magħluq għax se jinbidel f’mużew tal-arti għall-komunitá, il-MUŻA, fl-2018.
Il-mużewijiet u s-siti li se jkunu miftuħa nhar il-Ħamis huma l-Katakombi ta’ San Pawl, id-Domus Romana (Rabat), il-Mużew tal-Istorja Naturali (Mdina), il-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, l-Armerija fil-Palazz tal-Granmastru, Forti St. Iermu u l-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra (Valletta), il-Mużew Marittimu, Forti St. Anġlu (Vittoriosa), Għar Dalam (Birżebbuġa), it-Tempji ta’ Ħaġar Qim and Mnajdra (Qrendi), u t-Tempji ta’ Ħal Tarxien f’Malta u l-Mużew tal-Arkeoloġija, id-Dar Storika Gran Castello, il-Mużew tal-Istorja Naturali Għawdxija, il-Ħabs l-Antik (Citadel, Victoria), il-Mitħna Ta’ Kola u t-Tempji tal-Ġgantija (Xagħra) f’Għawdex.
Matul l-Open Day il-viżitaturi jistgħu jżuru wkoll il-wirja, ‘Valletta 1566 – Melita Renascens’, fil-Bastjun Vendome fil-parti t’isfel tal-Forti Sant’Iermu. Din il-wirja qegħda tikkommemora l-450 sena mit-twaqqif tal-Belt Valletta.
F’Għawdex matul il-ġurnata se jsiru wkoll żewġ żjajjar bi gwida fil-Mitħna Ta’ Kola. Dawn se jibdew fl-10.30am u fit-3.00pm.
Il-ħwienet fil-mużewijiet u s-siti ta’ Heritage Malta se jkunu miftuħin u l-viżitaturi se jkunu jistgħu jixtru kotba u souvenirs kif ukoll jistgħu wkoll jidħlu membri u jgawdu minn offerti u mill-inizjattivi u l-benefiċċji li toffri l-iskema l-ġdida mnedija riċentament.
Iktar tagħrif dwar din l-open day u attivitajiet oħrajn organizzati minn Heritage Malta, jinsabu fuq il-website, www.heritagemalta.org, jew segwu l-paġna tal-aġenzija fuq Facebook.