Fil-Palazz tal-Inkwiżitur fil-Birgu tnediet wirja li tirrakkonta l-ġrajja, twila kważi 20 sena, ta’ meta dan il-palazz offra kenn lill-patrijiet u lill-komunità tad-Dumnikani ġirien tiegħu sakemm bnew mill-ġdid il-knisja u l-kunvent tagħhom li kienu ġġarrfu fit-Tieni Gwerra Dinjija.
Il-wirja “Dumnikani fil-Palazz: Home & Temple 1942 – 1960” tirrakkonta din il-ġrajja permezz ta’ dokumenti u rakkonti rrekordjati ta’ nies li jiftakru din l-istorja sseħħ. Fost l-esebiti hemm ukoll partijiet mill-pittura li kienet iżżejjen il-koppla oriġinali tal-knisja tad-Dumnikani, li qed jinħarġu fil-pubbliku kollha flimkien għall-ewwel darba. Waħda mis-sezzjonijiet tal-wirja hija ispirata mill-festa ta’ San Duminku ċċelebrata fl-1952, wara nuqqas ta’ 13-il sena, fejn hemm esebit il-vestwarju tipiku għal waqt il-purċissjoni, bl-ilbies tal-kleru u tal-abbatini.
Fl-inawgurazzjoni tal-wirja, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici spjega li din il-wirja tixhed id-determinazzjoni kontinwa biex nibqgħu nippreservaw il-wirt nazzjonali.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli qalet li wirjiet bħal dawn isawru l-wirt kuturali Malti u huma importanti sabiex infakkru ġrajjiet li jagħmlu parti mill-istorja ta’ pajjiżna.
Iċ-Chairman ta’ Heritage Malta Mario Cutajar qal li l-memorja ta’ nazzjon tkun preservata meta nfakkruha, infakkruha mhux biex nerġgħu jew nibqgħu ngħixuha, imma biex nifhmu l-kuntest, nitgħallmu minnu, u nifhmu iktar illum.
Patri Aaron Zahra O.P., il-Pirjol tal-Kunvent tad-Dumnikani tal-Birgu, qal li l-ġrajja li seħħet 80 sena ilu turi biċ-ċar id-determinazzjoni li wlied San Duminku kellhom biex jibqgħu mal-poplu tal-Birgu fl-iktar żminijiet diffiċli. Kieku ma kienx għad-determinazzjoni tagħhom u l-kuraġġ kbir li kellhom, kieku llum m’aħniex dak li aħna. Kien proprju l-pass għaqli ta’ dawn il-patrijiet li reġa’ xegħel il-fjamma Dumnikana fil-Birgu.
Il-wirja “Dumnikani fil-Palazz: Home & Temple 1942 – 1960” hija kollaborazzjoni bejn Heritage Malta u l-Komunità tal-Patrijiet Dumnikani tal-Birgu, bl-għajnuna tal-Arkivji Nazzjonali. Se tibqa’ miftuħa sat-8 ta’ Jannar 2023 bħala parti mill-esperjenza ta’ kull min iżur il-Palazz tal-Inkwiżitur.