L-Aġenzija Heritage Malta se tkun qed tagħti aċċess lill-pubbliku għall-Fortizza ta’ Delimara għal jumejn sħaħ.
Dan wara li l-Fortizza, patrimonju ta’ żmien l-Ingliżi, sarilha xogħol estensiv ta’ tindif. Fost l-oħrajn tneħħew strutturi aljeni u ġew installati sistemi ta’ dawl sabiex dan is-sit ikompli jkun riġenerat.
Dan l-istazzjon żar il-Fortizza, li se tkun qed tinfetaħ għall-pubbliku, u hemm seta’ jifhem sehem din il-Fortizza fl-istorja ta’ pajjiżna.
Hemmhekk tkellimna ma’ Matthew Balzan, li huwa l-kuratur ewlieni għall-fortifikazzjonijiet tal-Heritage Malta.
Huwa spjegalna li, fost l-oħrajn, din hija eżempju ta’ Fortizza Ingliża, li nbniet matul il-perjodu tar-Reġina Vittorja, fit-tieni nofs tas-seklu dsatax.
“Hija fortizza tal-kosta, jiġifieri qed tiddefendi port, il-baħar. F’dan il-każ qed tiddefendi l-Port ta’ Marsaxlokk, li kien suxxettibbli għal xi invażjoni f’dak iż-żmien u hija wkoll fortizza pentagonali, jiġifieri hija fortizza mibnija kompletament bi stil differenti minn dak li nsibu qabel, prattikament dak li kien inbena fi żmien il-Kavallieri.”
Matthew Balzan jinnota wkoll li l-mod kif inbniet il-Fortizza jiffoka fuq l-artillerija li tirrifletti l-prijoritajiet militari ta’ meta nbniet.
“Il-prijorità mhijiex, kważi, il-binja imma huwa aktar l-armament, f’dan il-każ il-kanun. Fil-fatt, din kienet mgħammra b’sitt kanuni tal-ikbar kalibru illi kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom l-Ingliżi f’dak iż-żmien meta nbniet fl-1878. Dawn kienu sitt kanuni ta’ 38 tunnellata l-wieħed.”
Sfortunatament, bosta raġunijiet wasslu biex din il-fortizza titħalla fi stat ta’ abbandun. Minkejja dan, wara li fl-2005 għaddiet f’idejn il-Heritage Malta, fl-aħħar snin sarilha xogħol estensiv ta’ tindif.
Il-Perit Reuben Abela, li huwa maniġer għall-proġetti fil-Heritage Malta, spjegalna kif ix-xogħol ta’ tindif kien jiffoka fuq it-tneħħija ta’ strutturi li ġew introdotti fil-Fortizza meta din ma kinitx baqgħet tintuża għal skopijiet militari.
“Allura n-nies meta jiġu hawn mhux se jistennew li se jaraw il-binja restawrata kif naħsbu fil-veru sens ta’ restawr imma restawr f’dak li hu l-istruttura oriġinali, jiġifieri li qed nipprovaw inwasslu lura lin-nies il-binja kif hu maħsub mir-riċerka, sintendi, li għamlu l-kollegi tagħna, il-fortizza kif kienet fil-perjodu li kienet tiffunzjona.”
B’hekk it-tindif li kien meħtieġ qiegħed iwaqqaf milli tkompli ssir iktar ħsara lil dan il-patrimonju. Dan se jkun qiegħed iwitti t-triq biex din il-Fortizza tgħaddi għar-restawr biex tirritorna lura fil-glorja oriġinali tagħha.
Il-Perit Abela ta wkoll id-dettalji marbuta mal-weekend speċjali li fih se jsir il-ftuħ għall-pubbliku ta’ din il-fortizza.
“Il-Fortizza se tkun miftuħa b’mod speċjali. In-nies iridu jibbukkjaw anki minn qabel, fejn se jsiru tours immexxija mill-kuratorjal stess u jkunu jistgħu jgawdu l-istorja ta’ din il-fortizza.”
Għaldaqstant, il-pubbliku interessat huwa mħeġġeġ li jirriserva post minn fuq is-sit elettroniku tal-Heritage Malta.