L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi, l-MDA nediet id-direttiva li permess tagħha se sserraħ moħħ il-ġirien li biswithom se jkun qed isir żvilupp minn żviluppaturi msieħba fl-MDA.
F’konferenza tal-aħbarijiet, l-Assoċjazzjoni qalet li permezz ta’ din l-iskema li tidħol fis-seħħ mill-bidu ta’ Settembru, il-ġirien se jkunu jistgħu jqabbdu perit tal-għażla tagħhom sabiex jevalwa rapporti relatati mal-iżvilupp. L-ispejjeż tal-perit se jkun qed jitħallas mill-iżviluppatur stess imsieħeb fl-MDA.
Id-Direttur tal-MDA, Marthese Portelli, spjegat l-għan wara din id-direttiva.
“It-target tagħna huwa wieħed, l-MDA tixtieq illi tkompli tinforma lill-pubbliku dwar id-drittijet tiegħu u l-MDA se tassigura wkoll illi ma jkunx hemm ostakoli finanzjarji illi forsi jista’ jkollu l-pubbliku u ma jkunx jista’ jħejji rapporti li jkun hemm bżonn u allura hawnhekk fejn jidħol is-sostenn minn naħa tal-membri tal-MDA.” Stqarret Portelli.
L-MDA aċċennat li s-settur tal-kostruzzjoni f’pajjiżna għandu jħares aktar is-saħħa u s-sigurtà tal-persuni li maġenbhom ikun qed isir xi tip ta’ żvilupp.
Ġie spjegat li kull membru tal-MDA se jkollu tabella mwaħħla mas-sit ta’ kostruzzjoni sabiex il-ġirien ikunu jafu li l-iżvilupp qed isir minn membru tal-assoċjazzjoni, filwaqt li l-MDA sservi wkoll bħala punt ta’ referenza għall-ġirien f’każ li jqumu xi problemi.
Il-President tal-MDA Sandro Chetcuti saħaq, “Ħafna mill-membri tagħna, li huma żviluppaturi, fl-interess tagħhom ukoll illi s-sigurtà u s-saħħa tiġi l-ewwel u qabel kollox u għal daqstant ikooperaw immens, fehemu l-inizjattiva li ħadna u kulħadd tista’ tgħid, maġġoranza assoluta, li qegħdin on-board u all for għal din id-direttiva.”
Mal-President tal-MDA Sandro Chetcuti ngħaqdet ukoll il-Viċi President, Denise Xuereb li spjegat illi fil-ġimgħat li ġejjin, l-assoċjazzjoni se tkun qed tagħmel kampanja ta’ informazzjoni biex il-pubbliku jkun mgħarraf dwar id-drittijiet tiegħu waqt xogħol ta’ żvilupp.