Mis-17 ta’ Jannar kull min imexxi stabbiliment bħar-ristoranti, bars u anki gyms, jista’ jaċċerta li l-klijenti tassew ħadu l-booster billi juża app tal-mobile bl-isem ta’ CovPassMalta.
Dan ħabbru d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fuq il-programm Sibt il-Punt imxandar is-Sibt filgħodu fuq ONE Radio.
Ma’ Manuel Micallef, Chris Fearne spjega kif din l-applikazzjoni fuq il-mobile se turi il-validità taċ-ċertifikat tal-vaċċin.
Iċ-ċertifikat xorta trid iġġorru miegħek.
Fearne saħaq li diġà tista’ titniżżel l-app fuq sistema Android u l-Awtoritajiet tas-Saħħa qed jitkellmu mal-kumpanija Apple biex fil-qrib, din l-app tkun tista’ titniżżel fuq sistema iOS.
Id-Deputat Prim Ministru stqarr, “Din hija app li wieħed jista’ jniżżilha fuq il-mobile jew fuq it-tablet tiegħu u min ikun dieħel fi stabbiliment jew dieħel il-gym jew xi attività organizzata, tkun tista’ tiċċekkja minn fuq il-mobile tiegħu jew anki minn fuq ċertifikat li jkun stampat jekk iċ-ċertifikat hux validu jew, jiġifieri jekk ħax il-booster jew le.”
Chris Fearne spjega li naturalment kif tħabbar qabel, dawk li ma jistgħux jieħdu l-booster għax m’ilhomx tliet xhur li ħadu l-ewwel dożi tal-vaċċin kontra l-Covid-19, xorta jistgħu jidħlu fl-istabbilimenti mit-Tnejn 17 ta’ Jannar b’ċertifikat tal-vaċċin validu.
Saħaq li hemm eċċezzjonijiet għal tfal li sa issa mhux offruti l-booster u nisa tqal.
F’kollegament telefoniku fuq ONE Radio, Chris Fearne żvela wkoll li llum il-ġurnata, aktar minn 85% tal-każijiet ta’ Covid-19 f’Malta huma tal-varjant Omicron.
Fearne spjega, “Jiġifieri disgħa minn kull għaxar każijiet ġodda milli qed naraw u allura huwa l-booster li huwa daqstant importanti illi issa jrid isalvalna l-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.”
Spjega kif imqabbel ma’ pajjiżi oħra, Malta qiegħda f’sitwazzjoni tajba u fit-tilqim tal-booster Malta wkoll għandha l-ogħla rata skont anki studju mill-Università rinomata ta’ Harvard.
Dan il-fatt qed jippermetti li l-ħajja soċjali f’pajjiżna tibqa’ għaddejja.
Fearne qal li s-sitwazzjoni fl-isptar għadha waħda stabbli b’sitt persuni fit-Taqsima għall-Kura Intensiva li huma infettati bil-Covid-19.
Saħaq li dan jgħidu b’kawtela għaliex normalment il-każijiet ta’ pazjenti fil-Covid-19 fl-isptarijiet ifeġġu mal-ġimagħtejn, tliet ġimgħat wara li jittestjaw fil-pożittiv.
Fil-programm intervjena wkoll it-Tabib Malcom Paul Agius Galea, li spjega kif il-booster qed ifakkar il-ġisem biex ikompli jiġġieled il-virus.
Spjega kif biż-żmien, l-immunità kontra l-virus tibda tmajna wara l-ewwel dożi u għalhekk il-booster huwa importanti biex jibqa’ jipproteġina kontra l-Coronavirus.
It-Tabib Agius Galea qal, “Għax l-effett tat-tilqima fil-bidu mhux jitlaq imma jibda jmajna u l-booster dak li hu. Il-booster huwa fejn litteralment inti qed tfakkar lil ġisem, isma’ ħa nerġa’ ntik dik il-boost, ħa nerġa’ ntik dik in-naqra għajnuna biex inti l-vaċċin tiegħek nerġa’ nsaħħu iktar.”