Hekk kif bħalissa l-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir qed taħdem fuq il-proġett ta’ riġenerazzjoni fiż-żona ta’ Marsamxett, qed taħdem ukoll sabiex toħloq kuxjenza ma’ dawk kollha li jagħżlu jżuru din iż-żona fil-Belt Kapitali.
Dan permezz ta’ pjattaforma diġitali bl-aħħar teknoloġija fosthom dik ta’ realtà virtwali sabiex tixħet dawl fost oħrajn fuq kif din iż-żona kienet tidher fl-antik.
Dwar din il-pjattaforma One News tkellem maċ-Chairman tak-GHRC is-Sur Anthony Agius Decelis hekk kif wħud mill-funzjonijiet ta’ din il-pjattaforma li ser tkun l-ewwel waħda tax-xorti tagħha f’Malta.
Huwa spjega:”Kull persuna jkun jista’ jmur fil-post għaliex hi se tkun tista’ tidderiġih u jekk il-mużew, jewkk il-Knisja, jekk il-post storiku jkun magħluq, ikun jista’ jidħol b’mod ġewwa u jara minn xiex inhu jikkonsisti dan il-post partikolari permezz ta’ din l-applikazzjoni. Jekk jipponta l-mobile tiegħu lejn dik id-direzzjoni tkun tista’ tieħdu ġewwa u turih b’mod viżiv din il-binja jew dan il-mużew minn xiex kien jikkonsisti.”
Din il-pjattaforma li ser tkun qed titlestà fi żmien 5 xhur b’investiment ta’ €1.6 miljun minn fondi Ewropej u li qed tinħadem minn kumpanija lokali f’pajjiżna.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi eprima s-sodisfazzjoni tiegħu għal mod ta’ kif qed jintużaw il-fondi Ewropej f’din l-istanza.
Huwa stqarr: “B’din in-nefqa wkoll ta’ €1.6 miljun fuq din l-app hija metodu wkoll kif inkomplu nagħtu isbaħ u valur akbar lill-istorja tal-Belt Valletta.”
Preżenti għat-tħabbira ta’ din il-pjattaforma diġitali, il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Ian Borg sostna l-importanza ta’ dawn it-tip ta’ pjattaformi innovattivi sabiex jiġu limitati l-karozzi fi ħdan il-Belt Kapitali ta’ pajjiżna.
Dan hekk kif din il-pjattaforma tinċentiva l-mixi fiż-żona sabiex ikunu esplorati b’aktar mod prattiku s-siti li din toffri.
Il-Ministru Ian Borg sostna: “Ħafna mix-xeni m’għadhomx jiftakruhom, lanqas aħna jiġifieri wħud minn dawk il-binijiet ilhom li spiċċaw u allura tajjeb li t-tekonoloġija toħodna lura u turina kif kienet il-Belt Valletta, kif inhi llum u kif irridu li l-Belt Kapitali tagħna tkun fis-snin li ġejjin.”