Il-Gvern flimkien mas-Suprintendenza għas-Saħħa Pubblika ħabbru inizjattiva li se tinċentiva u żżid l-għarfien fuq is-saħħa mentali.
Dan permezz ta’ eżerċizzju fiżiku fil-parks madwar il-pajjiż.
Fil-fatt waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-park ta’ San Klement f’Ħaż Żabbar il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli flimkien mas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, ħabbru l-kunċett ta’ Park Fitness.
Kunċett li permezz tiegħu issa familji u persuni li jżuru l-parks Maltin se jkunu jistgħu permezz tal-mobile isegwu lezzjonijiet differenti ta’ attività fiżika li jistgħu jsiru fil-park stess.
Dwar dan tkellimna ma’ Iman Galea, li huwa personal trainer: Huwa qal, “L-iskop hu li l-park tużah bħala rotta li tiġri ġo fih u f’kull punt li tieqaf se jkollok 10 eżerċizzji differenti li tagħmel 10 repettizjonijiet ta’ kull eżerċizzju u ovjament tista’ żżidhom u tnaqqashom skont il-persuna li tkun qed tagħmel l-excercise.”
Il-Ministru Miriam Dalli qalet li fost l-għanijiet li għandha Parks Malta, hija li tkompli ssaħħaħ u toffri kwalità ta’ ħajja aħjar għal pubbliku permezz ta’ spazji miftuħa.
Hija stqarret: “Irridu li noħorġu lin-nies mid-djar tagħhom, jiġu f’dawn il-parks u jagħmlu attività fiżika u issa ser ikun faċli ħafna għaliex fuq il-website ta’ Parks Malta, Parks Fitness se jkunu jistgħu jsibu eżerċizzji li faċli jsiru, jiddependi anke mill-livell fiżiku tagħhom. Jistgħu jkunu jew prinċipjant jew inkella iktar avvanzati u jistgħu jagħmlu dawn l-eżerċizzji fi kwalunkwe post u kwalunkwe park li għandna madwar il-pajjiż.”
Minn naħa tagħha s-Supretendent għas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci spjegat li huwa l-irwol tas-Supratendenza u l-Awtoritajiet li jingħata l-appoġġ meħtieġ għall-ħajja aħjar.