Waqt li kien qiegħed jindirizza konferenza dwar l-Istati ż-Żgħar Ewropej u l-Aċċess għall-Mediċini, il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li l-istati ż-żgħar jaffaċċjaw diversi xenarji differenti minn ta’ pajjiżi kbar u li jistgħu jfixxklu jew jgħinu l-aċċess ta’ kura.
“Li jkollok marda rari dejjem huwa kkumplikata, iżda li jkollok marda rari f’pajjiż żgħir jkun ifisser li inti tista’ tkun l-uniku persuna b’dik il-kundizzjoni f’dak il-pajjiż. Għalhekk waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea, hija t-twaqqif ta’ European Reference Networks, ċentri speċjalizzati f’mard rari partikolari li jkunu aċċessibbli kemm bħala kura u bħala riċerka għall-kumplament tal-Ewropa,” qal il-Ministru Fearne.
Huwa tkellem ukoll dwar il-prezzijiet tal-mediċini, u kif dawn jistgħu jaffetwaw stati żgħar. Il-Ministru Fearne żied jgħid li l-istati żgħar għandhom jikkollaboraw flimkien anke fuq dan l-aspett, sabiex ikollhom aktar saħħa flimkien.
Il-Ministru għas-Saħħa Malti faħħar l-inizjattiva tal-lum, fejn istituzzjonijiet akkademiċi minn pajjiżi żgħar Ewropej qed jagħmlu riċerka konġunta fuq sistemi tas-saħħa f’pajjiżi żgħar.