Tista’ Tkun Int huwa programm li udjenzi kellu bl-eluf. Huwa wkoll programm li għal snin twal kien fl-iskeda tal-istazzjon nazzjonali. Sakemm darba fost oħrajn, ittieħdet deċiżjoni li jieqaf.
Forsi dak iż-żmien ma kinetx deċiżjoni daqstant ċara. Peró li hu żgur hu li bħal mijiet ta’ programmi oħra dan il-programm ma kellux ċens perpetwu biex jixxandar fuq TVM. U dan f’mument fejn kien qed jiġbed l-ikbar udjenzi fuq dan l-istazzjon. Kien ukoll programm bl-air time mixtri, mhux bħal dawn li ssemmew riċentament li biex isiru ħarġu l-belli liri mit-taxxi tal-poplu.
Bħal Tista Tkun Int kien hemm oħrajn, kif kiteb tant tajjeb fuq facebook dak li kien il-preżentatur ta’ Deal or No Deal. Programm popolari ieħor li ma baqax għaddej għal dejjem.
Bħalma għal żmien twil kien twaqqaf il-programm Reporter (ma niftakarx lil Clyde Puli joħroġ stqarrijiet) u kien hemm programmi oħra li kienu relegati għal ħinijiet mhux flokhom għax forsi hekk kien jiddetta l-interess kummerċjali
Minn tagħrif li wasal għandi, jirriżulta li hemm programmi oħra li konna drajna bihom – fost oħrajn fil-faxxa ta’ filgħodu – li wkoll mhux se jibqgħu fl-iskeda.
Għaldaqstant huwa ftit spoporzjonat l-għaġeb li qed isir għaliex se jkun spiċċa, fost oħrajn, il-programm ta’ Salvu Mallia. U f’dan il-każ mhux biss għax huwa proċess naturali li programm jispiċċa iżda wkoll għaliex Mallia għażel li jidħol fl-arena politika. Saħansitra ddikjara li x’aktarx ikun kandidat.
Dikjarazzjoni waħedha li twassal biex il-programm tiegħu ma setax ikompli kif kien il-każ bi Claudette Buttigieg qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet. Dakinhar, fi żmien gvern tal-PN, twaqqaf il-programm Sellili u lanqas il-Qorti ma tatha raġun.
Fuq kollox ta’ min jgħid li preżentaturi u ġurnalisti ta’ PBS huma marbuta b’kodiċi ta’ etika li ftit li xejn iħallihom jintrabtu ma’ opinjonijiet politiċi partiġjani u allura għaliex hawn min jippretendi li Mallia eċċezzjoni?
Saħansitra din tal-kandidatura hi xi ħaġa li tiġri internaent wkoll fil-partiti. Biżejjed insemmu xi ġralu David Thake li twaqqaf mill-Partit Nazzjonalista milli jkompli fuq ir-radju.
Imma dan kollu jidher li ma jgħodxx bħalissa. Salvu Mallia, u anke oħrajn, jippretendu li huma eċċezzjoni.
Iktar minn hekk nista’ nitkellem mill-esperjenza. Meta kont naħdem ma’ dar tal-midja oħra konna preżentajna proposta wara li tellajna b’suċċess Mixja ta’ Poplu. Din il-proposta ma kinetx aċċettata u ma bkejniex pubblikament għax propsota tagħna ma kinetx aċċettata mill-PBS fi żmien Gvern Laburista. Dan għax fhimna li dan hu proċess naturali. Fejn xi darba jew oħra Tista Tkun Int li jkollok opportunitá jew li jkollok tibda taħseb fuq proġett ġdid.