Meta titla fuq l-ajruplan iżomm ma’ numru ta’ proċeduri ta’ sigurtá, li għal dawk li jsiefru spiss huma proċeduri normali li għandek issegwihom dejjem. Iżda qatt ma’ saqsejt lilek innifsek, x’differenza tagħmel li tħalli t-tieqa tal-ajruplan miftuħa fil-ħin tat-tluq?
Mistoqsijiet bħal din u oħra dwar il-proċeduri tas-sigurtà weġibhom il-kaptan Cord Becker, pilota li matul il-karriera tiegħu għamel 20,000 siegħa fl-arja.
Huwa spjega li t-tieqa trid titħalla miftuħa biex il-pilota flimkien mal-membri tal-ekwipaġġ jintebħu jekk jaraw xi nirien jew duħħan li fil-mument tat-tluq u għalhekk ikunu jistgħu jibdew il-proċeduri tal-evakwazzjoni. Jekk din it-tieqa tinżamm magħluqa, jaf ikun tard wisq x’ħin persuna li tkun abbord tintebaħ bil-ħsarat.
B’rabta ma’ dan, għandek iżomm il-mejda ta’ quddiemek magħluqa, is-seat dritt u tneħħi l-headphones propju għall-istess raġuni, biex f’każ ta’ evakwazzjoni mat-tluq tal-ajruplan il-passiġġieri abbord ma ssibx diffikultá.
Qabel ma titlaq titjira, l-membri tal-ekwipaġġ jagħmlu avviż biex nitfu l-mobajl jew inpoġġuħ fuq flight mode minħabba xi interferenza li jista’ jkun hemm. Huma bosta li jistaqsu kif mobajl jista’ jikkawża ħsara lil ajruplan.
Il-kaptan wieġeb li din hija instruzzjoni mogħtija mill-kumpaniji tal-manifattura u li interferenza hija possibbli iżda stqarr li jekk linji gwida ġodda jissuġġerixxu li din il-miżura ta’ sigurtá mhux neċċessarja, il-linji tal-ajru jneħħuha.
F’intervista, fuq maġażin ta’ linja tal-ajru internazzjonali, l-Kaptan spjega l-importanza li wieħed isegwi l-instruzzjonijiet mogħtija fil-bidu tal-vjaġġ mill-membri tal-ekwipaġġ hekk kif f’każ ta’ emerġenza dawk li jkunu familjari mal-proċedura ta’ evakwazzjoni jkollhom ċans akbar li jsalvaw.
Saħaq ukoll li wieħed għandu dejjem jibqa’ biċ-ċinturin tas-sigurtá hekk kif wieħed ma jkunx jista’ jbassar inċident u għalhekk aħjar inkunu siguri tul it-titjira kollha.