Il-kumpanija Gozo Channel nediet skema ta’ vjaġġar bi prezz orħos bejn Malta u Għawdex għal Lulju. Din se tibda tgħodd minn nhar it-Tnejn li ġej sat-30 ta’ Lulju.
Dan ħabbru l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, li żied jispjega wkoll li r-roħs fil-prezz se jgħodd għal biljetti li jinxtraw mit-Tnejn sal-Ħamis, bejn is-sagħtejn u kwart ta’ waranofsinhar u nofsilejl.
Qal li l-prezz ta’ passiġġier se jkun żewġ ewro u ħamsin ċenteżmu minflok erbgħa ewro u ħamsa u sittin ċenteżmu u l-prezz ta’ vettura se jkun tmien ewro u ħamsin ċenteżmu minflok ħmistax-il ewro u sbatax-il ċenteżmu.
Il-Ministru Camilleri qal li dan qed isir sabiex jagħti inċentiv lin-nies jitilgħu Għawdex anke matul il-ġimgħa.
Huwa qal: “Sabiex issa ninċentiva li żjara ta’ dawk kollha li jżuru Għawdex ma jkunx biss għal tmiem il-ġimgħa iżda jekk jista’ jkun tkun estiża wkoll għal fost il-ġimgħa.”
Iċ-Chairman tal-Gozo Channel Joe Cordina qal li inizjattivi bħal dawn ikomplu jgħinu lill-ekonomija Għawdxija.
Is-Sur Cordina stqarr: “Aħna nemmnu illi b’din l-inċentiva Għawdex se jibbenefika minn aktar Maltin li jitħajru jiġu Għawdex u ovvjament ikompli mal-inċentivi li qiegħed jagħti l-Gvern biex inkabbru t-turiżmu intern.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu, Joe Muscat, qal li din se tkompli tiġbed aktar viżitaturi lejn il-gżira Għawdxija.
Is-Sur Muscat sostna: “Aħna nemmnu li fil-pandemija, fis-sitwazzjoni kif qegħdin fiha, it-turisti minn barra mhux ser ikollhom dik l-oppotunità li jżuruna bħal snin l-imgħoddija però s-suq Malti diġà wera illi l-gżira Għawdxija hija l-gżira favorita tiegħu.”