Il-Bank of Valletta u l-APS Bank se jkunu qed joffru rata ta’ interess ta’ zero fil-mija (0%) għal kull min jissellef biex jinvesti f’vettura elettrika jew ibrida, kif ukoll f’inizjattivi favur l-effiċjenza fl-enerġija u fl-enerġija rinnovabbli.
Minn din l-opportunità jistgħu jibbenefikaw individwi privati, SMEs, intrapriżi kbar, korpi kostitwiti u entitajiet fis-settur pubbliku u privat, fost oħrajn.
Fost l-investimenti li jistgħu jagħmlu hemm ix-xiri ta’ vetturi elettriċi jew ibridi; charging stations għal vetturi elettriċi; konnessjonijiet mal-provisti tal-enerġija għal sistemi fotovoltajċi; sistemi ta’ insulazzjoni; sistemi ta’ ventilazzjoni; u miżuri għall-iffrankar tal-ilma.
Għalkemm il-Gvern diġà qed joffri skemi li jgħinu fil-finanzjament tal-vetturi rinnovabbli u ibridi, huwa impenjat li jkompli bl-inċentivi tiegħu favur il-protezzjoni tal-ambjent.
Dan is-self bla imgħax se jkun possibbli permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali fejn b’kollox ġew allokati €15-il miljun.
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura, u l-Porġetti Kapitali, Aaron Farrugia, qal li s-settur tat-trasport huwa l-aktar responsabbli għall-emissjonijiet. Kien għalhekk li l-Gvern ħareġ b’din l-inizjattiva ambjentali fost diversi oħrajn, biex issir iktar vijabbli għal-persuni u kumpaniji li jagħmlu t-tranżizzjoni lejn vetturi li jniġġsu inqas.
“Tragwardi biex innaqqsu l-emissjonijiet fil-pajjiż, b’hekk ikollna arja nadifa, ambjent aħjar u kwalità tal-ħajja aħjar għal-Maltin u l-Għawdxin.”
Il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej, u l-Artijiet, Silvio Schembri saħaq li l-ambjent huwa l-prijorità ewlenija tal-Gvern u għalhekk l-iskema se toffri lil individwi u kumpaniji opportunità ta’ investiment mingħajr imgħax favur l-ambjent.
“Ambjent aħjar mhux qed nitkellmu biss fuq spazji ħodor, spazji miftuħa, iżda wkoll attività kummerċjali u anke attività ta’ kuljum tagħna li nkunu nistgħu nassistuha permezz anke issa ta’ din l-iskema li inti ma’ tħallas interessi fuq il-loan tiegħek u hawnhekk nirringrazzja ż-żewġ banek.”
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett, qal li l-banek għandhom rwol importanti fl-ekonomija u issa jridu jkunu aktar ċentrali fil-mixja lejn l-iżvilupp sostenibbli.
“Naslu għalihom billi aħna stess nagħtu għajnuna lill-pubbliku, lill-kumpaniji, lil kull min qiegħed magħna fil-vjaġġ, biex inwasslu lil Malta aktar ambjentali, jimxi għal-istess tragward ukoll.”