F’kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar flimkien mal-Junior Chamber International Malta, Malta Enterprise u l-Ministeru għall-Intrapriża, iż-żgħażagħ se jkollhom l-opportunità biex jaqsmu l-ideat tagħhom għas-soluzzjonijiet kontra t-tibdil fil-klima.
Il-programm bl-isem ta’ “SeedGreen” huwa maħsub sabiex iħajjar liż-żgħażagħ jaqsmu l-ideat tagħhom b’mod dettaljat, liema ideat jittrattaw negozju ġdid li jindirizza wkoll it-tibdil fil-klima. Dan mhux se jkun biss programm edukattiv iżda se jippremja l-aħjar tliet ideat ta’ negozju li huma fattibbli u tassew ħbieb tal-ambjent.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, Kurt Farrugia, sostna kif din l-inizzjattiva hija waħda li tieħu azzjoni konkreta quddiem il-fenomenu tat-tibdil fil-klima.
Qal, “L-inizjattiva hija waħda sabiex inkunu nistgħu intejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies, allura kemm permezz ta’ din l-inizjattiva, kif ukoll permezz tal-inċentivi li nagħtu bħala Malta Enterprise, parti mill-istrateġija li qed naddottaw sabiex anke permezz tan-negozju ntejjbu l-kwalità tal-ħajja, nistgħu nikkollaboraw flimkien biex start-ups li jersqu ’l quddiem, insibu l-assistenza kollha sabiex finalment naraw ekonomija sostenibbli u li tkun qed ittejjeb il-kwalità tal-ħajja.”
Intant, il-Ministru għat-tibdil fil-klima, Aaron Farrugia stqarr li dan huwa proġett ambizzjuż u ta’ ħtieġa biex pajjiżna jilħaq il-miri ambjentali, fosthom li nkunu ħielsa mill-karbonju.
Spjega, “Il-miri li għandna fuq tibdil fil-klima huma miri ta’ pajjiż mhux ta’ Gvern u allura jeħtieġ il-kontribut ta’ kulħadd inkluż ukoll l-industrija, l-ekonomija u l-intraprendeturi. Huwa għalhekk li ngħaqadna flimkien ma’ JCI flimkien mal-Ministeru kkonċernat biex inkunu nistgħu nagħtu grants u għajnuna lil dawk l-intrapriżi li huma lesti li jidħlu f’dan is-settur partikolari.”
Min-naħa tagħha, il-Ministru għall-Iżvilupp sostenibbli Miriam Dalli sostniet li t-tibdil fil-klima mhux kwistjoni ambjentali biss, iżda kwistjoni li se taffettwa lil kull wieħed u waħda minnha.
Il-Ministru spjegat kif l-intrapriża u l-ambjent jistgħu imorru id f’id.
Qalet, “L-intrapriża għandha rwol importantissimu biex nimxu lejn ekonomija li ma tniġġisx. Il-viżjoni ta’ dan li-Gvern hija li sal-elfejn u ħamsin jkollna ekonomija li ma tniġġiżx u għandna bżonn il-kontribut tal-intrapriża. Pero l-inizzjattiva li qed nitkellmu dwarha ġġib l-aspett t’ Intrapriża flimkien mal-innovazzjoni u l-kultura żagħżugħa”
Dawk interessati li jaqsmu l-ideat tagħhom huma mħeġġa li jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom fuq seedgreen.org.