Jekk m’intix għaddas u forsi tiddarras tinżel fil-fond, xorta tista’ tapprezza l-wirt storiku li jinsab f’qiegħ il-baħar permezz ta’ realtà virtwali.
Dan il-mużew aċċessibbli fuq l-internet ser ikun qed jinkludi siti li jvarjaw mill-eqdem relitt ta’ xini tal-Feniċi fil-Mediterran, li jmur lura 2,700 sena, sa ajruplani tat-Tieni Gwerra Dinjija u sottomarini.
Dawn l-oġġetti storiċi jinsabu f’fond li jvarja minn żewġ metri għal mija u għaxar metri.
Dan huwa frott ta’ ħafna snin ta’ riċerka u studju arkeoloġiku taħt il-baħar. Dan sar b’investiment ta’ €100 mill-gvern fuq medda ta’ 3 snin.
Il-Professur Timmy Gambin mill-Università ta’ Malta spjegalna l-proċess li skatta ma’ tim internazzjonali permezz ta’ eżaminar li sar fl-ibħra Maltin.
Eventwalment l-informazzjoni misjuba ġiet ipproċessata fil-laboratorji ta’ Heritage Malta u sabet postha fuq is-sit li jista’ jitgawda anke minn dawk li ma għandhomx l-apparat tar-realtà virtwali.
Huwa spjega: “Ħa jkun jista’ jgawdi b’ċertu mod hemm videos tradizzjonali, miġbudin mill-bugħaddasa, hemm videos li aħna ngħidulhom 3D flythrough imma mbagħad għal min għandu par sett tal-virtual reality dak ikun jista’ jilbes il-goggle u litteralment jinżel fuq is-sit bil-virtual reality.”
Il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli tenniet li hekk kif issa ser jerġa’ jiftaħ il-bibien tiegħu l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta irridu wkoll naraw li bħala pajjiż inkunu kompettivi u vibranti f’dak li noffru lit-turist minn qabel ma jirfes artna.
Farrugia Portelli fakkret ukoll kif pajjiżna kien fost minn tal-ewwel li fetaħ is-siti storici tiegħu b’mod virtwali.
Hija sostniet: “Dan il-proġett b’investiment ta’ €100,000 ser ikun qed joffri esperjenza unika mhux biss lit-turist barrani imma wkoll liċ-ċittadini ta’ pajjiżna, tfal u akkademiċi biex nesploraw siti storiċi li huma taħt l-ilma. Ovvjament din hija niċċa ta’ turiżmu li qed nkomplu nenfasizzaw għaliex is-sena li għaddiet 177,000 turist li ġie propju f’pajjiżna minħabba l-għadds.”
Il-Kap tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia sostna kif permezz ta’ dan il-proġett ser inkunu qed insostnu l-wirt kulturali ta’ pajjiżna u napprezzaw ir-rikezza li tinsab taħt il-baħar.
Din l-esperjenza virtwali tista’ titgawda permezz tas-sit underwatermalta.org