Ġenituri ta’ tarbija tat-twelid kellhom tmiem qares din is-sena.
Sephora, l-omm, irrakkontatilna kif marret tibdel rigal minn stabiliment f’Ħal Qormi, u kif kienet hemm marret tagħmel xi qadi relatat mat-tarbija tagħha. Temmen li hi u ħierġa minn ħanut, waqatilha l-kartiera tar-raġel.
Minbarra li din kien fiha €200 fi flus kontanti, kien fiha wkoll il-karti tal-identità tiegħu – kemm Awstrijaċi u kemm Ġermaniżi, u l-liċenzja tas-sewqan. Iddispjaċuta, stqarret li sabiex jerġa’ jikseb dawn id-dokumenti, ikollu jmur barra minn Malta.
“Mhux qed nistenna flus lura, imma dawn id-dokumenti huma importanti ħafna” kompliet tgħidilna, filwaqt li spjegat li għandu diversi karti tal-kreditu li issa kellhom jiġu mwaqqfa.
Għalhekk għamlet appell biex kull min jista’ jkollu din il-kartiera, jirritorna mqar id-dokumenti. Forsi s-sena tintemm b’nota inqas inkwetanti għal din il-familja. Il-kartiera hija żgħira, sewda u tal-ġilda. Jista’ jkun li nstabet qrib il-bandli ta’ Ħal Qormi, għax il-karozza tal-koppja kienet ipparkjata quddiem il-klabb tal-boċċi.
Jekk hemm min għandu informazzjoni, jista’ jċempel lil Gerd jew Sephora Berger fuq 99427054 jew inkella jibgħat email fuq gerd.berger@hetronic.com.mt.
L-omm temmet tirringrazzja lil kull min qed juri interess.
Jekk imqar ixxerred din l-istorja fuq Facebook, tkun qed iżżid il-possibiltà li tinstab il-kartiera.