Min-nhar il-Ħadd li ġej tista’ tara l-Belt b’mod ġdid, hekk kif se jinfetaħ is-sit magħruf bħala Underground Valletta, liema sit joffri esperjenza unika tal-Belt minn taħt l-art.
Dan is-sit kien tħaffer oriġinarjament mill-Kavallieri ta’ San Ġwann, sabiex taħt il-belt ġdida jkun hemm sistema ta’ ħażna tal-ilma, ikel, u maż-żmien intużat ukoll biex minnha jgħaddi d-drenaġġ.
Is-sit kompla jikber fi żmien l-Ingliżi hekk kif fit-Tieni Gwerra Dinjija, il-post serva ta’ xelter, li jesa’ aktar minn tletin elf persuna.
Joseph Mifsud, uffiċjal ta’ Heritage Malta spjegalna kif taħt il-Belt hemm l-għeruq tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann.
Qal, “Imma dan il-kobor li qed naraw hawn x’aktarx illi meta ġie mibni l-Kon-Katidral ta’ San Ġwann hawnhekk intuża bħala barriera. Il-ġebel beda jittieħed ħa ngħidu mhux kollu imma ħafna mill-ġebel minn hawnhekk biex inbena l-Kon-Katidral. Imbagħad saru l-ġibjuni, dan wieħed minnhom, hawn ieħor li jiġi maġenb dan u hemm ieħor li jiġi taħt it-Triq ir-Repubblika li jiġi quddiem il-Qorti imma imbagħad intradam biex saret it-triq.”
Waqt l-inawgurazzjoni tas-sit, il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit, sostna li l-ftuħ ta’ dan is-sit se joffri esperjenza aktar kompluta tal-belt kapitali tagħna.
Huwa stqarr li dan is-sit, li kien ilu inaċċessibbli għal diversi snin, issa jista jitgawda bl-aktar mod sodisfaċenti.
Spjega, “Dan kollu kien inaċċessibli, illum għamilnih aċċessibbli, aċċessibbli fiżikament imma mhux biss. L-aċċessibiltà ma tasalx biss billi ftaħt il-bieb, għamilt taraġ u għamiltu aċċessibbli kemm daħal il-persuna. L-aċċessibiltà tmur lil hinn, dal-għarfien kollu li ġbarna ta’ din l-istorja ta’ mijiet ta’ snin, irridu nagħmluha aċċessibbli lil kull min iżurna hawn f’dawn iċ-ċisterni.”
Waqt l-inawgurazzjoni tal-proġett, il-Ministru għall-Kultura u l-Wirt Nazzjonali, José Herrera, spjega kif dan il-ftuħ tas-sit huwa possibbli minħabba riforma ġdida li ssaħħaħ lil Heritage Malta, u tagħmilha aktar faċli sabiex din ikollha aktar assi.
Apparti minn hekk, il-Ministru stqarr ma’ dan l-istazzjon li hemm aktar siti storiċi ġodda, li għad iridu jinfetħu.
Qal, “Jien nemmen ħafna f’Heritage Malta li hija d-depożitarja tal-wirt patrimonjali Malti kollu u iktar ma nżidulha assi, iktar insaħħu dan l-aspett ta’ pajjiżna, u naħseb dan huwa l-aspett ewlieni neċessarju biex nattiraw turisti ta’ kwalità.”