Fiċ-ċentru tal-ilma f’Għajn ir-Rabat għaddej skavar taħt dan is-sit, bħala parti minn ġimgħa Ewropea tal-wirt kulturali.
Dan hekk kif taħt dan iċ-ċentru nstabu diversi artifatti ta’ żmien ir-Rumani u l-Puniċi.
Dwar dan tkellimna mal-Kap Eżekuttiv tas-Sovrentendenza tal-Wirt Kulturali, Kurt Farrugia.
Qal, “L-għan ta’ din l-attività, il-European Heritage Days, din hija attività Ewropea. Fiha qed jipparteċipaw madwar 50 pajjiż fl-Ewropa. F’Malta, is-Sovrintendenza hija l-koordinatur ta’ din l-attività. It-tema ta’ din is-sena hija l-inklussività, b’hekk is-Sovrintendenza ħasset li peress li t-tema l-inklussività noħorġu ‘l barra mill-uffiċini tagħna u nersqu iżjed viċin tas-soċjetà.”
Hawnhekk tkellimna wkoll ma’ uffiċjal fi ħdan is-Sovrentendenza li ntqal kif f’din iż-żona nstabu toroq tar-Rumani u anke diversi oqbra.
Qal, “Anke bħala dfin, instabu żewġ modi ta’ dfin. Għandek dak fejn bħal-lum il-ġurnata jitpoġġa l-mejjet normali, jiġifieri jitpoġġa ġol-qabar u għandna wkoll ammont ta’ urni fejn fihom kien hemm fdalijiet tan-nies maħruqa għax dak iż-żmien kienu jipprattikaw il-kremazzjoni wkoll.”
L-uffiċjal spjega magħna kif fl-urni nstabu partijiet ta’ għadam u snien maħruq.
Qal, “Meta nbena ċ-ċentru ġew investigati parzjalment dawn il-fdalijiet u nbena ċ-ċentru. Issa llum il-ġurnata erġajna lura biex inkomplu l-investigazzjonijiet tagħna u nikkonfermaw l-interpretazzjoni li bdiet issir sitt snin ilu.”
Barra minn hekk, dawk l-artifatti ġew irrestawrati u qed jiġu esebiti għall-pubbliku għall-ewwel darba.
Qalet, “Iċ-ċentru, bħala ċentru ta’ edukazzjoni daħlet ħafna magħha ma’ din l-attività. B’hekk iddeċidejna li nagħmlu din il-kollaborazzjoni. Hija xi ħaġa sabiħa, li dawn l-affarijiet hawnhekk li qed jikkumplimentaw iċ-ċentru u b’hekk inkunu nistgħu nkomplu t-tagħlim kemm għat-tfal u anke l-kbar.”