It-Tnejn, fil-Qorti kompliet ix-xhieda minn Vince Muscat, magħruf bħala il-“Koħħu”, fil-ġuri li għaddej dwar iż-żewġ omiċidji ta’ Daphne Caruana Galizia fl-2017 u tal-Avukat Carmel Chircop sentejn qabel, fejn erba’ akkużati qed jiffaċċjaw l-akkużi.
F’din is-seduta, il-“Koħħu” wieġeb mistoqsijiet dwar l-omiċidju tal-Avukat Chircop fl-2015, fejn tenna li l-arma tat-tip AK-47 ittieħdet minn Jamie Vella.
Meta mistoqsi jekk qattx spara xi arma, il-“Koħħu” wieġeb li hu qed jixhed biss dwar l-omiċidju tal-Avukat Chircop.
Fil-Qorti beda jiġi nnotat kif ix-xhieda tal-“Koħħu” ma bdietx taqbel max-xhieda li ta qabel. Hawnhekk għal numru ta’ drabi hu wieġeb li ma jiftakarx.
Vince Muscat spjega kif wara d-delitt, Jamie Vella ħa ħsieb li jeħles mill-arma u anke jeħles mill-karozza li ntużat. Hawnhekk id-difiża innotat li waqt l-interrogazzjoni, li kien ta preċedentement, il-“Koħħu” kien iddikjara li ma kienx jaf min żbarazza mill-karozza. Hu qal li dwar dan id-delitt tħallas €20,000.
Imbagħad il-“Koħħu” ġie mistoqsi dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Hawnhekk ikkonferma kif kien Melvin Theuma li avviċinahom dwar il-pjan.
Spjega kif Theuma tkellem ma’ Alfred Degiorgio fit-Tinda tal-Patata fil-Marsa. Skontu, Darren Debono, magħruf bħala t-“Topo”, kien informa lilu u lill-aħwa Degiorgio li Melvin Theuma kellu biċċa xogħol taħraq għalihom.
Il-“Koħħu” qal li Jamie Vella kien qalilhom li kien jaf fejn tgħix Caruana Galizia.
Mistoqsi jekk ġieli marx wara Caruana Galizia, qal li Alfred Degiorgio żgur segwiha minħabba li hu jgħix f’San Pawl il-Baħar.
Intqal li Melvin Theuma beda jagħmel pressjoni biex Caruana Galizia tinqatel mill-aktar fis possibbli.
Mistoqsi jekk Melvin Theuma kienx kelmu dirett dwar l-omiċidju, il-“Koħħu” qal li ma jiftakarx.
Dwar dan id-delitt, hu qal li tħallas €50,000, waqt li, fl-interrogazzjoni ħames snin ilu, il-“Koħħu” kien qal li ħa €10,000.