Il-Ħamis filgħodu l-editorjal u opinjonista tat-Times komplew jixħtu dawl fuq il-problema ta’ kredibbiltà li għandu l-Partit Nazzjonalista taħt it-tmexxija ta’ Bernard Grech.
Dan speċjalment wara l-aħħar saga li għadha tiddomina l-aħbarijiet wara li, fil-festa ta’ San Gejtanu fil-Ħamrun kważi ġimagħtejn ilu, kanvażer Nazzjonalista spiċċa l-Isptar bi ġrieħi serji waqt li l-Kap Nazzjonalista ma tħalliex jidħol fil-każin tal-Partit tiegħu stess.
L-editorjal tat-Times jixħet dawl fuq dan l-aħħar episodju li jkompli jikkonferma l-firda fil-Partit Nazzjonalista u tenna li kawża tiegħu u ta’ oħrajn qablu, il-Partit fl-Oppożizzjoni ma jgawdix kredibbiltà biex jipproġetta lilu nnifsu bħala Gvern alternattiv.
Dan mhux kollox hekk kif l-istess editur jipponta lejn il-problema ta’ komunikazzjoni li għandu l-istess partit biex jipproġetta lilu nnifsu aħjar, u jwaħħal ukoll f’Bernard Grech innifsu.
Dwar dan, l-editur tat-Times isostni li t-tmexxija ta’ Grech qed twassal għal aktar sfiduċja minn partitarji Nazzjonalisti tradizzjonali.
Dan filwaqt li jagħmel tajjeb li kieku minflok jipprietka l-politika tiegħu, jara li l-ewwel jindirizza l-problemi fil-Partit tiegħu stess.
Sadanittant, dwar dan l-inċident partikolari li ħalla lil Noel Mifsud Bonnici f’qiegħ ta’ sodda fl-Isptar Mater Dei fejn kellu jiġi operat f’siequ l-leminija, l-editorjal tat-Times ifakkar kif kien biss wara ħamest ijiem li l-Partit Nazzjonalista ħass li kellu joħroġ stqarrija dwar dan il-każ serju. Stqarrija li kienet tikkonsisti biss f’sentenza waħda.
Fid-dawl ta’ dan kollu l-editur tat-Times jiddeskrivi lill-Partit Nazzjonalista bħala Oppożizzjoni dgħajfa, li tipproġetta lilha nfisha bħala grupp mimli ġlied intern, mingħajr ħila li tieħu pożizzjoni fuq kwistjonijiet diviżi u li tittama li tiġi eletta awtomatikament minflok billi tikkonvinċi lill-elettorat.
Dan mhux kollox, hekk kif f’artiklu ta’ opinjoni separata fl-istess ħarġa tal-ġurnal, miktub minn Arthur Muscat, jipprova jqabbel lil Grech mal-Eks Prim Ministru Nazzjonalista Eddie Fenech Adami biex jixħet dubji fuq il-kapaċitajiet tal-Kap attwali.
Fil-fatt, Muscat, li spiss jikteb fl-istess retorika tal-establishment Nazzjonalista, jgħid li Bernard Grech għad ma kellu l-ebda sfida b’saħħitha quddiemu.
Sorsi midħla sew fil-Partit Nazzjonalista, li tkellmu ma’ ONE News fuq il-kundizzjoni tal-anonimità, sostnew li qed tiġi mmuntata kampanja fina ta’ pressjoni fuq Grech mill-istess ċirku dominanti Nazzjonalista, li tliet snin ilu kienu responsabbli biex tajru lil Adrian Delia minn Kap.
Hu sigriet magħruf kif l-establishment Nazzjonalista mhu xejn kuntent bil-prestazzjoni politika tal-Kap Nazzjonalista li aktar ma jmur aktar qed ikompli jiġi kkonfermat kemm mhux jattira votanti lejh.
L-istess persuni, li tkellmu ma’ ONE News, irrimarkaw li dawn l-attakki mill-establishment Nazzjonalista fuq Grech huma intiżi biss biex jimbottaw lill-Kap jieħu linja aktar ħarxa, simili għal dik adottata mill-fergħa tal-għaqda Repubblika.
L-istess għaqda hi mmexxija minn ħu Karol Aquilina, figura ewlenija fl-establishment Nazzjonalista, tant li kien wieħed mill-perċimes tal-Blue Heroes li f’Ottubru tal-2020 wasslu lil Bernard Grech fuq it-tmun tal-Partit Nazzjonalista wara li ġie skreditat Adrian Delia.