Għal sena oħra ssuktat il-maratona tal-volleyball b’risq id-Dar tal-Providenza.
Fil-fatt f’din it-tmiem il-ġimgħa, il-parkeġġ tad-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi inbidel fi ground tal-volleyball u post għal divertiment għall-familja kollha.
Din hija t-tlettax-il edizzjoni ta’ din il-maratona hekk kif din is-sena, erbgħin player minn ħames timijiet differenti, bdew sfida bla waqfien ta’ tlieta u ħamsin siegħa.
Tkellimna ma’ żewġ atleti, Suzanna Nikolic u Dorian Mallia, li minkejja l-għejja li qed taħkimhom, anke kawża tax-xemx tiżreġ, fissru d-determinazzjoni li jkomplu jgħinu filwaqt li jixrpunaw oħrajn.
Qal, “Għaddejjin fis-sħana, bil-lejl, bla waqfien, u l-għan tagħna jibqa’ dejjem biex nagħtu kuraġġ lin-nies, li dejjem jistgħu anke jekk ikunu l-affarijiet diffiċli, għax dejjem ikun hemm min jagħti, u aħna qed nagħtu min-naħa tagħna u nixtiequ li n-nies jagħtu minnaħa tagħhom, id-donazzjonijiet.”
Qalet, “Ovvjament, l-għejja issa, it’s kicking in, imma l-motivazzjoni ta’ kulħadd tibqa’ għaddejja. L-għan huwa ovvjament li niġbru l-fondi għad-Dar tal-Providenza u din hi t-tieni sena tiegħi li qed nieħu sehem fil-maratona.”
L-istess determinazzjoni spikkat ukoll f’Father Martin Micallef, id-Direttur ta’ din id-dar residenzjali.
Huwa nnota l-ispirtu altruwistiku tal-players, li jispirah biex ikompli jaħdem għal din id-dar u r-residenti tagħha.
Semma wkoll id-divertiment li wieħed jista’ jesperjenza, b’xi ħaġa għall-familja kollha.
Qal, “Nappella lill-poplu Malti u Għawdxi biex jiġi hawnhekk illejla, igawdi l-atmosfera sabiħa ta’ mużika u kant li se jkun hawn, u anke jagħti s-sapport tiegħu lill-players, u jkun hawn l-opportunità wkoll fejn wieħed jista’ jagħti d-donazzjonijiet tiegħu.”
Il‑pubbliku jista’ jgħin billi jċempel, juża l‑BOV Mobile Banking, il‑PayPal, Revolut jew jagħti donazzjoni online fil‑kontijiet bankarji tad‑Dar.
Din il-maratona se tkun qed tixxandar fuq l-istazzjonijiet lokali kollha, f’ħinijiet differenti.
Għal aktar informazzjoni dwar din l‑attività wieħed jista’ jżur is‑sit www.sabihlitaghti.org