Il-kampanja ta’ tfigħ ta’ tajn, gideb u allegazzjonijiet kattivi mill-fazzjoni estremista, li tmexxi lil Bernard Grech minn imnieħru, kull ma jmur qed toħloq aktar inkwiet fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.
Wara l-gideb minn Jason Azzopardi, l-eks ministru ta’ żmien GonziPN u l-avukat tal-għaqda Repubblika, fil-konfront tas-Segretarju tal-Kabinett Ryan Spagnol, id-Deputat Carmelo Abela u l-Ministru Owen Bonnici, ONE News informat li l-fattur Jason Azzopardi qed ikompli joħloq ħafna ansjetà u ġlied fil-qalba tal-Partit.
Esponenti viċin l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia kif ukoll oħrajn qrib deputati, bħalma huma Mario De Marco u Carm Mifsud Bonnici, qegħdin jinsistu li din il-kampanja ta’ gideb, ħdura u allegazzjonijiet minn nies, bħal Jason Azzopardi, bil-barka tal-perċimes tal-fazzjoni estremista, Karol Aquilina, se terġa’ ddaħħal lill-PN ġol-ħajt.
Dwar dan l-istil ta’ politika negattiva kien anke tkellem pubblikament id-Deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici fejn qal li jekk il-PN mhux se jibdel id-diska se jibqa’ fejn hu, jiġifieri fl-Oppożizzjoni.
“Il-Partit Nazzjonalista diġà kellu ċ-ċans jidħol fil-Gvern, imma qabad triq li fiha daħal ġo sqaq.”
Deputat Nazzjonalista, Carm Mifsud Bonniċi
Jirriżulta li Bernard Grech, bla saħħa quddiem nies bħal Azzopardi u Aquilina, hemm deputati u nies tagħhom li qed jgħidulu li l-PN, speċjalment fl-aħħar xahar, reġa’ qabad l-istess kantaliena ta’ żmien Simon Busuttil meta dak iż-żmien il-Partit kien, minn filgħodu sa filgħaxija, il-ħin kollu jagħmel allegazzjonijiet bl-aktar mod negattiv dwar membri tal-Gvern Laburista.
Iż-żmien wera li dik il-kampanja negattiva daħlet lil Simon Busuttil u lill-PN fil-ħajt.
“Ġieli tidħol għand in-nies u jgħidulek, imma inti m’intix aħdar, għalfejn qed titkellmu b’din il-ħdura? Għaliex qed titkellmu b’mod illi intom tattakkaw lin-nies personali? Għamlu l-argument u daqshekk. Allura l-Partit Nazzjonalista kien qed jiġi perċepit diġà hemm barra bħala forza mhux tar-raġuni, imma forza reazzjonarja. Meta tasal hemm, huwa totalment żbaljat.”
Deputat Nazzjonalista, Carm Mifsud Bonniċi
Grech issa qed jiġi mwiddeb li se jiġrilu l-istess.
Madankollu, ONE News informat li Bernard Grech, tant m’għandu ebda saħħa biex jikkontrarja lil Jason Azzopardi u lil Karol Aquilina, li sempliċiment jagħti ħarsa ta’ xi ħadd mitluf lil kull min jipprova jiftaħlu għajnejh. Imbagħad juri li jkun ħa għalih, u jinfexx jissuppervja.
“Photocopy eżatta ta’ żmien Simon Busuttil” iddeskrivew is-sitwazzjoni u l-istrateġija politika, li miexi biha l-PN bħalissa, persuni viċin deputati mhux meqjusin ta’ ġewwa mal-establishment, bħalma huma Carm Mifsud Bonnici, Adrian Delia u Mario de Marco.
“Żgur mhux forsi, jekk il-kampanja elettorali tal-Partit Nazzjonalista terġa’ ssir bħal qabel, ikun hemm l-istess riżultat. Il-kampanja trid tinbidel kompletament. L-approach irid ikun xi jridu n-nies u ejja mmissu man-nies verament, mhux x’niddeċiedu aħna, lanqas x’jiddeċiedu l-organizzazzjonijiet.”
Deputat Nazzjonalista, Carm Mifsud Bonniċi