Raġel li allegatament ġie maħtuf u msawwat minn uffiċjali tal-Pulizija f’Settembru, qal fil-Qorti li kien hemm erba’ uffiċjali involuti.
Ir-raġel xehed fil-kumpilazzjoni tal-provi kontra Rica Mifsud Grech ta’ 22 sena mill-Furjana, Jurgen Falzon ta’ 24 sena minn Santa Venera, u Luca Brincat ta’ 20 sena minn Ħal Qormi.
Dawn it-tliet uffiċjali jinsabu sospiżi mill-Korp u qed iwieġbu li mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom, fosthom li żammew persuni kontra l-volontà tagħhom u li kkawżaw ġrieħi lil persuni b’mottivi razzjali.
Fil-kumpilazzjoni tal-lum xehed il-psikjatra Joe Cassar, li tqabbad mill-Qorti biex jeżamina l-istat mentali tal-allegat vittma, Aldu Wili Ahmed Ali mis-Somalja.
Taħt ġurament, il-psikjatra xehed li meta l-vittma jkun taħt l-effett tal-alkoħol, għadnu t-tendenza li jsir psikotiku, vjolenti, u perikoluż.
Il-vittma baqa’ jinsisti li hemm ir-raba’ uffiċjal involut fl-allegat attakk.
Is-Somalu xehed li meta kien arrestat, l-uffiċjali qalulu li jekk jarawh il-Marsa se jsawtuh. Kompla jgħid li, ftit wara, sabuh, għarfuh u ħaduh fi ġnien fejn sawtuh waqt li kien għadu mmanettjat.
Filwaqt li ppunta lejn Luca Brincat, is-Somalu qal li qabel dan il-każ, kellu inċident separat mal-uffiċjal, meta allegatament uża t-taser fuqu biex iqajmu waqt li kien rieqed quddiem ATM tal-Bank of Valletta.
Tul ix-xhieda, l-allegat vittma kkonferma li kien taħt ordni ta’ trattament minħabba abbuż mid-droga u l-alkoħol.
Il-każ ikompli aktar tard dan ix-xahar.