Il-miżuri li ħa dan il-Gvern mhux biss qed iħallu l-frott u qed itejbu l-kwalitá tal-ħajja, iżda għad iridu jħallu iktar impatt tanġibbli fuq l-ekonomija. Dan stqarru il-Ministru tal-Finanzi, Edward Scicluna, matul business breakfast bħala parti mill-konsultazzjoni dwar il-baġit tas-sena d-dieħla. Matul din il-konsultazzjoni l-Gvern se jkun qed jisma s-suġġerimenti tal-imsieħba soċjali u s-soċjeta ċivili.
Fid-diskors tiegħu, l-Ministru Edward Scicluna, fisser kif dan il-Gvern kien proattiv u ma beżax jieħu miżuri innovattivi li qed iħallu l-frott. Huwa spjega kif fl-aħħar erba’ snin il-Gvern ħadem bla heda biex idaħħal il-kultura li persuna m’għandiex tiddependi fuq il-benefiċċji soċjali biss, iżda għandha issib impjieg.
Din ma kinitx l-unika inizjattiva li ħa dan il-Gvern, inizjattivi li huma ibbażati fuq l-attivita’ ekonomika tal-familja li fi kliem il-Ministru turi lill-Gvern xi triq finanzjarja għandu jieħu. Fost dawn l-inizjattivi nsibu t-tnaqqis fl-income tax, l-in-work benefit għal ġenituri, servizzi tac-child care b’xejn kif ukoll kreditu tat-taxxa għal min ma jibqax jirreġistra u jidħol fis-suq tax-xogħol. Huwa fisser kif dawn il-miżuri qed iħallu impatt u għad iridu jħallu aktar impatt tanġibbli fuq l-ekonomija.
Matul din il-konsultazzjoni, il-Ministru fakkar kif baġits preċedenti għenu lil familji f’risku ta’ faqar permezz ta’ miżuri li għamlu differenza fil-ħajja ta’ dawn in-nies. Dawn il-miżuri jinkludu fost oħrajn it-tnaqqis fit-taxxa għal dawk bi dħul baxx kif ukoll żieda fil-penzjoni minima Nazzjonali.
Fost is-suġġerimenti li tressqu kien hemm dak tal-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa, li talbu lill-Gvern biex isib mezzi biex jassisti lil nisa li m’għandhomx kwalifiċi iżda xorta waħda għandhom ħiliet differenti biex ikunu jistgħu jitħarġu u jsibu xogħol dinjituż.