Il-qraba tat-tfajla Torka Pelin Kaya għal darb’oħra kienu l-Qorti biex isegwu l-kawża kontra Jeremie Camilleri, li jinsab akkużat bil-qtil tagħha. Huma kellhom ritratti tagġha mwaħħlin ma’ lbieshom.
Pelin inqatlet f’għeluq it-30 sena tagħha f’Jannar li għadda, meta BMW sewda daħlet ġo fiha u qatlitha waqt li kienet miexja quddiem pompa tal-petrol fil-Gżira.
Waqt is-seduta tal-Qorti, Dr Chris Role xehed li ħareġ ċertifikat ta’ stat mentali adegwat biżżejjed biex Jeremie Camilleri jkun interrogat.
Wara Dr Role, telgħu fuq il-pedana tax-xhieda diversi membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili biex jiddeskrivu x-xena tal-qtil u l-karozza li daħlet f’Pelin.
Sigħat wara l-qtil ta’ Pelin, iċċirkolaw filmati tas-CCTV onlajn li juru l-BMW sejra direttament lejha. Dawn wasslu lill-pulizija biex akkużaw lis-sewwieq, Jeremie Camilleri, bil-qtil.
F’xhieda preċedenti, l-uffiċjali ddeskrivew xena ta’ “kaos komplet” u sabu l-BMW imdaħħla fil-faċċata ta’ ħanut tal-ikel tal-Gżira, mdawra b’terrapien mifrux maż-żona kollha.
Camilleri ħareġ mill-karozza tiegħu u sar aggressiv ma’ dawk li kienu fuq il-post u u mal-pulizija. Tant hu hekk, li kellu jiġi mrażżan b’taser gun qabel ma ġie arrestat.