Hekk kif iktar kmieni s-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana nediet il-kampanja”Naħseb Fik”, illum hija ssukktat tippromwovi din il-kampanja f’Għawdex ukoll waqtżjara lill-anzjani li jattendu ċ-Ċentru tal-Anzjanità Attiva fix-Xewkija.
Hija fissret li l-kampanja “Naħseb Fik” tieħu forma ta’ żjarat jew għoti ta’ rigali lil dawn l-anzjani li, b’għafsa ta’ qalb, ikunu weħidhom meta jaraw anzjani oħra mdawrin bil-qraba. “Iktar mill-attenzjoni doveruża tul is-sena kollha, hija kiefra li n-nuqqas tagħha joħloq swied il-qalb fost l-anzjani minsijin fi żmien meta appuntu kulħadd ikun qiegħed jifraħ lil hinn mir-residenzi ta’ dawn l-anzjani,” qalet is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana.
Il-kampanja issa waslet fl-aħħar fażijiet qabel ma jagħlaq iż-żmien li fih jistgħu jingħataw ir-rigali. Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana saħqet fuq l-importanza li nilħqu x-xewqat kollha tal-anzjani li ressqu x-xewqat tagħhom. Hija qalet li din is-sena n-numru ta’ anzjani li wrew ix-xewqat tagħhom żdied ħafna iktar mis-sena l-oħra u dan juri kemm l-anzjani tagħna għandhom bżonn tal-wens.
“Naħseb Fik” huwa għalhekk il-proġett li permezz tiegħu l-anzjani li għaddejjin mis-solituduni, iħossu li hemm minn jimpurtah minnhom meta jagħti dan ir-rigal. Is-Segretarju Parlamentari fakkret li dan il-proġett pilota beda s-sena l-oħra minn Għawdex u din is-senaqed jinfirex għal uħud mid-djar tal-anzjani f’Malta wkoll bil-għan li kull sena nkomplu nkabbru din l-inizjattiva li tesprimi aktar solidarjetà fost il-familji u fi ħdan is-soċjetà kollha.
Dr Justyne Caruana raddet ħajr lill-ħaddiema u d-diriġenti kollha fid-djar tal-anzjani għall-isforzi tagħhom biex joħolqu ambjent festiv fil-ġimgħat li ġejjin, fejn ikun jonqos biss il-preżenza reali tal-familji tal-anzjani.
Kull min irid jieħu sehem jista’ jċempel lis-Segretarjat Parlamentari fuq in-numru 25903156 jew jidħol fis-siti elettroniku http://www.nahsebfik.com , https://www.facebook.com/nahsebfik/ jew jibgħatu email lil info@nahsebfik.com. Dan jista’ jsir sa għada l-Ħamis 15 ta’ Diċembru 2016.