Is-Segretarjat Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali, u l-Innovazzjoni qal kif huwa tassew ta’ għajb li fuq il-mezzi tax-xandir tal-Partit Nazzjonalista kompliet għaddejja kampanja qarrieqa kontra l-ħaddiema tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, l-MFSA, awtorità indipendenti li qed tagħmel xogħolha b’mod ċar fosthom anke fil-każ tas-Satabank, fejn skont l-istess stqarrija maħruġa mill-awtorità, hija ħadet il-passi kollha li kellha tieħu, xi ħaġa li l-gvern jappoġġja.
Żied jingħad kif huwa iżjed ta’ għajb iżda li llum l-Oppożizzjoni għażlet li anke tattakka l-ħaddiema għax matul il-ġurnata tal-lum, minkejja li, kif assigurat l-istess awtorità, l-operazzjonijiet tal-awtorità se jibqgħu għaddejjin b’mod normali, fosthom fuq il-każ tas-Satabank, se jkunu qed jattendu korsijiet ta’ taħriġ sabiex itejbu l-ħiliet tagħhom u joffru servizz aħjar.
Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri stqarr li l-Oppożizzjoni għandha tieqaf bl-attakki kontra l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna. L-Oppożizzjoni għandha tieqaf tipprova tagħmel il-ħsara lis-settur tas-servizzi finanzjarji. Silvio Schembri tenna li huwa għandu fiduċja sħiħa fl-MFSA u l-ħaddiema tagħha, filwaqt li rringrazzjahom tal-ħidma kbira li jwettqu.