Ġie mħabbar investiment ta’ €105,000 f’tagħmir ġdid għas-sezzjoni marittima tal-Protezzjoni Ċivili. It-tagħmir jinkludi drone van u drone li jista’ jintuża taħt il-baħar għat-tiftix ta’ emerġenza kif ukoll għal aktar sigurtà u taħriġ għall-uffiċjali tas-sezzjoni.
Kellna l-opportunità nsegwu simulazzjoni ta’ operazzjoni ta’ salvataġġ minn karozza fil-baħar u tkellimna mal-uffiċjal ta’ salvataġġ fi ħdan is-sezzjoni, David Borg Saydon li kien qiegħed jopera d-drone l-ġdid.
Stqarr kif dan ser ikun qed jagħmilha iżjed faċli biex jitwettqu operazzjonijiet fl-ilma, speċjalment meta l-postijiet ikunu imprekattivi: “Jgħin fit-tfittxija qabel ma jkollok tniżżel xi nies, li dan mhux neċessarjament jintuża fil-baħar imma jista’ jintuża fi bjar, fi ġwiebi, jista’ jgħin ukoll biex jinġabru xi affarijiet minn qiegħ il-baħar bl-użu tal-kamera u l-arm mekkanika li għandu.”
Fl-aħħar sena żdiedu wkoll in-numru ta’ bugħaddasa li jaħdmu f’din it-taqsima hekk kif dawn rdupjaw minn 14 għal 30.
Il-Ministru bħall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, Byron Camilleri spjega kif fis-settur tas-sigurtà l-iktar ħaġa importanti huwa li dejjem tkun ippreparat għal dak li jista’ jinqala’.
Huwa sostna: “Il-Protezzjoni Ċivili qiegħda hemm biex issalva n-nies so jekk qiegħed f’xi nar x’imkien, so jekk qiegħed fl-għoli xi mkien, u sew jekk qiegħed fil-baħar. Allura qed ninvestu issa fit-taqsima tal-baħar illi għandha l-kapaċitajiet teknoloġiċi kbar bħal ma stajtu taraw illum drones, dgħajjes, trakkijiet li jistgħu jgħinu mhux biss sabiex intellgħu persuni mill-baħar iżda anke xi vetturi li jkunu waqgħu fil-baħar sabiex naraw li dik il-vettura ma tkomplix tħammeġ aktar il-baħar għaliex nifhmu li jkollha żejt, u jkollha fuels eċċ.”
Id-Direttur Ġenerali tal-Protezzjoni Ċivili, Emmanuel Psaila ukoll innota l-investiment kbir li sar fid-Dipartiment fl-aħħar snin biex illum tinsab mgħammra bl-aħjar mod u b’għodda ġdida.