Il-Prim Ministru Robert Abela żied il-fiduċja, filwaqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ra tnaqqis qawwi f’dawk li jafdawh, bil-Maltatoday tgħid fl-analiżi tal-istħarriġ tagħha li għandu jagħfas il-buttuna tal-paniku.
Fi stħarriġ ippubblikat illum, il-gazzetta Maltatoday tgħid li l-Prim Ministru Robert Abela hu fdat minn 49.6% tal-elettorat kontra l-25.7% tal-Kap tal-Oppożizzjoni Grech.
Stħarriġ ta’ dan it-tip ikun ippubblikat b’mod regolari, u esponenti ewlenin tal-Partit Laburista dejjem sostnew li l-aqwa stħarriġ hija l-elezzjoni ġenerali, bil-Prim Ministru nnifsu jgħid ftit tal-ġimgħat ilu li hemm nies li wieħed irid jifhem iktar il-weġgħat tagħhom.
Intant, l-istess stħarriġ ikompli jgħid li mit-Tramuntana san-Nofsinhar, u mill-anzjani saż-żgħażagħ, Robert Abela hu fdat iktar minn Bernard Grech f’kull kategorija u f’kull reġjun.
L-istħarriġ sar bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa biex il-maġġoranza tax-xogħol fuqu seħħ qabel il-Ħamis filgħaxija Bernard Grech għamel l-iżball kbir ta’ laqgħa tal-eżekuttiv li wara li sejjaħha ħassarha biex spiċċa ma ddeċieda xejn.
Il-laqgħa kienet riżultat ta’ iktar ġlied intern fil-Partit Nazzjonalista fejn bil-mod kif mexa Bernard Grech spiċċa qalagħha mingħand kulħadd.
Intant, anke l-Partit Laburista baqa’ jżomm vantaġġ b’saħħtu fuq il-Partit Nazzjonalista bl-appoġġ għall-Partit Laburista jiżdied bi 3% għal 44.8%.
Dan tal-Partit Nazzjonalista jinsab f’livelli ta’ 30%.