Splużjoni li seħħet fil-kamra tan-nar tal-15 t’Awwissu tal-Mosta fiż-żona tad-Dwejra, heżżet il-lokalità tal-Mosta u żoni fil-qrib.
Kien għall-ħabta tat-tlieta ta’ waranofsinhar meta nstemgħet l-ewwel splużjoni, b’daħna kbira setgħet tintlemaħ minn bosta lokalitajiet madwar Malta.
Fuq il-post mill-ewwel issejħu membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, uffiċjali tal-Pulizija kif ukoll timijiet mediċi mill-Isptar Mater Dei b’ambulanzi hekk kif l-ewwel informazzjoni wriet li fuq ġewwa kien hemm għaxar persuni.
Dawn il-persuni kollha nħarġu mill-kamra tan-nar u ħadd minnhom ma weġġa’ serjament.
Fuq Facebook, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Byron Camilleri qal li tliet persuni ndarbu ħafif.
Fuq Twitter, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne nnota li l-Isptar Mater Dei daħal fl-istatus ta’ Inċident Maġġuri, fejn kulħadd ikun qiegħed imħejji għall-agħar xenarji. Ikkonferma wkoll li żewġt irġiel qed jiġu trattati għall-kura l-isptar.
Wara li nħarġu n-nies, seħħew aktar splużjonijiet żgħar u minħabba l-periklu li dan jista’ jpoġġi, għadhom ma daħlux il-ħaddiema tas-salvataġġ biex jitfu n-nirien.