L-ewwel dibattitu ta’ din il-kampanja elettorali fl-Università ta’ Malta ħarġet biċ-ċar id-differenza bejn iż-żewġ mexxejja tal-partiti politiċi ewlenin f’pajjiżna.
Dan spikka f’partijiet ta’ dan id-dibattitu bil-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela jidher aktar preparat u infurmat mill-Kap Nazzjonalista Bernard Grech.
F’punt partikolari tul id-dibattitu, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech ġie mistoqsi dwar id-dnubiet fiskali tiegħu qabel ma’ tpoġġa bħala Kap Nazzjonalista.
Kien hawn li Bernard Grech dlonk qabad ixejjer iċ-ċertifikat mid-Dipartiment tat-taxxa li għamel sajf sħiħ ixejru b’pompa quddiem il-mezzi tax-xandir.
Madankollu pronta kienet it-tweġiba tal-Prim Ministru Robert Abela.
“Ċertifikat illi qed isemmi Dr Grech jingħata lil min ikun inqabad jevadi t-taxxi. U allura min ikun ħallas it-taxxa tiegħu, evidenti li ma jkollux.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Dr Abela staqsa wkoll lill-Kap Bernard Grech dwar il-costings tal-Partit Nazzjonalista.
“Nipprova nagħti kuntest imqabbel mal-manifesti elettorali, l-ispiża li nvoluta, ma nafx il-manifest tal-Partit Nazzjonalista, kemm huma l-miżuri, il-costings tagħhom totali? Qed nifhem li ma jafx. Tagħna jiswew 3.3 billion u s-sistema tal-Metro tiswa’ €6.2 biljun jiġifieri meta wieħed jaraha fil-kuntest, hija spiza li hija waħda qawwija.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Kien hawn li l-Prim Ministru Robert Abela nnota l-assenza tal-costings mill-Partit Nazzjonalista fosthom f’wegħdiet dwar is-settur ta’ trasport u b’hekk in-nuqqas ta’ kreddibiltà fil-manifest elettorali li ġie ppubblikat mill-Partit Nazzjonalista. Manifest li ġie mibdul minn tal-inqas ħames darbiet.
“U l-proġetti tagħna ma ngħidux li huma costed u ma jafx kemm huma l-costings. Ma ngħidux li għandna l-istudji bħal tat-trasport u l-istudji inviżibbli. Ippubblikahom l-istudji. Tagħna ilhom xhur ippubblikati u għamilna public consultation.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Tul id-dibattitu Bernard Grech żelqitlu kritika fil-konfront tal-Prim Ministru u l-Partit Laburista li jħares lejn il-futur biex ifassal il-proposti elettorali tiegħu.
“Dejjem fil-futur.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Id-differenza kompliet tispikka mal-mument li l-Prim Ministru Robert Abela nnota l-iżball tal-Partit Nazzjonalista u Bernard Grech dwar il-proposta li tikkonċerna l-kirjiet ta’ qabel l-1995.
“U int Sur Kap tal-Oppożizzjoni lil dawk l-għaxart elef familji qed tgħidilhom li jekk fis-26 ta’ Marzu tingħata l-fiduċja bħala Prim Ministru ta’ dan il-pajjiż, fi żmien tliet snin dawk l-għaxart elef familja se tħallihom mingħajr saqaf fuq rashom. Jekk mhu veru xejn ma missekx ktibtha fil-manifest.”
il-Prim Ministru Robert Abela