Mara qed tinżamm fit-Taqsima tal-Kura Intensiva fl-Isptar Mater Dei wara li allegatament kien hemm nuqqas ta’ ftehim dwar il-kustodja tat-tfal ta’ oħtha bil-konsegwenza li r-raġel ta’ oħtha taha daqqa ta’ injama.
Christopher Cachia ta’ 35 sena residenti s-Siġġiewi inżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati li attakka lill-mara b’injama meta tressaq il-Qorti akkużat b’attentat ta’ qtil, li darab gravi lill-mara, li attakka lil missierha, li kien riċediv u li kiser il-paċi pubblika. Il-każ seħħ ilbieraħ wara nofsinhar fis-Siġġiewi. Il-Qorti semgħet kif apparti l-każ li seħħ ilbieraħ, seħħ ieħor il-Ħadd li għadda fejn l-akkużat allegatament mar għand l-eks kunjatu u spiċċa f’argument miegħu.
Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Roderick Agius spjega kif l-argument seħħ wara li kien hemm nuqqas ta’ ftehim dwar il-kustidja tat-tifel. Dan għaliex l-omm kienet qaltlu li seta’ jmur għal ibnu iżda ġara li t-tifel ma riedx imur miegħu.
L-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri li qed jidhru għall-akkużat qalu li Cachia dakinhar iddefenda lilu nnifsu wara li ġie attakkat meta mar jiġbor lill-ibnu u kien għalekk li qabad injama u waddabha fid-direzzjoni ta’ oħt martu.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest iżda l-Qorti rrifjutat li tilqa’ din it-talba u ordnat li jinżamm arrestat.
Dan wara li semgħet mill-Ispettur Agius kif l-avukat qed jikkontradixxi dak li ntqal fl-istqarrija li saret mill-akkużat mal-Pulizija. Dan hekk kif Cachia qalilhom li kien persuna mhux mixtieqa u li meta seħħ l-argument tilifha tant li tefa’ injama lill-vittma u laqtilha daharha.
Minħabba n-natura tal-każ il-Qorti ordnat li jinżamm arrestat.