L-infermiera. Il-persuna li toffri wens imprezzabbli lill-pazjent fl-isptarijiet u anke barra. Iżda ħafna jassoċċjaw ħidmet l-infermiera ma’ kura aktar tradizzjonali fl-isptar, u ftit jiftakru jew japprezzaw fil-vokazzjoni ta’ dawk l-infermiera li jispeċjalizzaw fis-saħħa mentali.
Tkellimna ma’ Marthese Camilleri, li tat dawn l-aħħar kważi 30 sena minn ħajjitha għall-ġid ta’ pazjenti li jfittxu l-għajnuna fl-isptar Monte Karmeli biex jegħlbu fost l-oħrajn il-vizzju tad-droga. Spjegat li bħal kull professjoni oħra f’dan il-qasam, il-pazjent jibqa’ ċ-ċentru tal-ħidma.
Marthese spjegat: “Ma nistgħux ma nagħtux kas li nżommu l-pazjent fiċ-ċentru ta’ kollox. Irridu naqduh f’li jkollu bżonn u npoġġu lilna nfusna fiż-żarbun tagħha. Dawn tibqa’ ġġorrhom miegħek, li tara pazjenta li tgħidlek ‘grazzi, kont hemm għalija’, qgħadt tisma’, għentha fl-affarijiet tagħha u rajtha tiġi għall-aħjar bilmod. Dawn aħna nibqgħu nġorruhom tul ħajjitna kollha.”
B’kuntrast mas-snin ta’ esperjenza ta’ Marthese, l-infermier żagħżugħ Daniel Camilleri ilu ħames snin f’din il-professjoni, u llum qed jispeċjalizza fil-kura mentali tal-addoloxxenti.
Daniel sostna: “Ħafna mid-diżordnijiet tas-saħħa mentali ma jidhrux allura huwa faċli li wieħed jiġġudika minħabba l-imġieba ta’ dak li jkun. Jekk innaqsu ftit dak il-ġudizzju jkollna aktar għarfien dwar is-saħħa mentali u nneħħu l-istigma li hawn.”
Grazzi għall-pandemija COVID-19 il-pubbliku għandu għarfien aħjar dwar il-ħidma tal-infermiera, iżda Daniel spjega kif nistgħu wkoll nagħtu appoġġ lill-infermiera fl-isptar Monte Karmeli.
Daniel kompla jgħid: “Min-naħa ta’ saħħa mentali trid tiffoka aktar fuq l-istat tal-moħħ tal-pazjent u l-ambjent li qiegħed fih, u trid tikkonsidra l-ambjent kollu, għaliex ċertu affarijiet li jkunu qed jaffattwew ħażin lill-persuna jkunu ġejjin minn anke kif ikun qed jgħix id-dar.”
Marthese Camilleri temmet tgħidilna li minkejja l-mumenti diffiċli li jġib miegħu dan ix-xogħol, it-tbissima fuq fomm il-pazjent tnessi kollox.
Hija saħqet: “L-appoġġ huwa importanti kemm mill-familja anke mill-isptar. Irid ikun hawn attitudni pożittiva ħafna u kulħadd jagħmel l-aħjar li jista’ biex fl-aħħar mill-aħħar persuni vulnerabbli li jiġu jitolbu l-għajnuna aħna nkunu hawnhekk lesti biex nagħtuha.”