Fil-Parroċċa ta’ San Filep, f’Ħaż Żebbuġ, ingħatat l-aħħar tislima lill-Imħallef Emeritu Philip Sciberras li mar jiltaqa’ mal-Imħallef Divin it-Tnejn li għadda fl-għomor ta’ 77 sena.
Il-quddiesa praesente cadavere kienet immexxija minn Monsinjur Dun Nikol Aquilina, li kien ħabib antik ta’ Sciberras, tant li kien tgħarraflu b’messaġġ li kienet ix-xewqa tiegħu li hu jiċċelebra l-quddiesa ta’ mewtu.
Stqarr, “Philip kien iħoss li x-xemgħa tal-ħajja waslet fi tmiemha. Meta tintefa x-xemgħa, jaqa’ d-dlam, imma mhux hekk fil-każ ta’ Philip … jibqa’ jdawwalna b’ħidmietu, b’imġiebtu u b’għerfu.”
Philip Sciberras, ċertament, li jibqa’ mfakkar għas-sehem tiegħu fil-qasam ġudizzjarju, fosthom il-kitba b’għaxar volumi tal-Alfabett tal-Kodiċi Ċivili, li żgur hu meqjus bħala xogħol legali monumentali.
Preżenti għall-aħħar tislima lil Sciberras kien hemm għadd ta’ ħbieb tiegħu, fosthom membri fil-ġudikatura u diversi esponenti tal-Partit Laburista, li għal numru ta’ snin kien parti minnu.
Fil-fatt Sciberras kien daħal fil-Parlament bħala deputat Laburista fl-1979, wara li kien irriżenja n-Nutar Ġużè Abela, u fl-elezzjoni tal-1981 hu kien elett fuq is-Sitt Distrett.
Fl-2002 Philip Sciberras inħatar Imħallef fejn serva sa Ottubru tal-2010. Hu kellu għal qalbu l-letteratura Maltija u l-lingwi, b’mod partikolari, il-Latin. Hu kien kittieb u anke poeta.