Charles Coleiro minn San Ġiljan, wieħed mill-ewwel vuċijiet fuq ONE Radio, huwa deskritt bħala persuna riservata u li qatt ma fittxet il-glorja. Forsi għalhekk li minkejja li maħbub minn ħafna l-aħħar tislima fi tmiem il-ġimgħa ma kinetx innotata daqs dik ta’ oħrajn li xi żmien jew ieħor f’ħajjithom taw kontribut bħala xandara.
Godfrey Testa ddeskrivih ma’ one.com.mt bħala “suldat tal-azzar.”
Coleiro mhux biss ħadem fuq livell ta’ lokal. Testa spjega kif “kien jieħu ħsieb il-librerija tal-Partit Laburista kif ukoll kien responsabbli għal bosta pubblikazzjonijiet tal-moviment. Kien strumentali wkoll billi flimkien ma’ Evarist Bartolo u Ray Azzopardi kien fost l-ewwel xandara tar-Radju tal-Partit matul it tmeninijiet.”
Temm jgħid li Charles kien persuna kwiet u ddedikata li qatt ma ppretenda ħlas jew xi forma ta’ kumpens.
“Kien dejjem dispost li jisma lil ħaddiehor u joffri l-għajnuna lill kull min kien jitlobielu,” qal Testa li żied jgħid li fi ftit kliem Charles kien lejalissimu lejn sħabu tax-xogħol, lejn il-Partit u lejn sħabu.
Evarist Bartolo, illum Ministru, iddeskrivih bħala: “Ġentlom. Ġenwin. Ġeneruż”