Il-Ħadd, 26 ta’ Awwissu, tħabbret il-mewt ta’ Neil Simon fil-għomor ta’ 91sena. Fil-fehma tiegħi hu wieħed mill-aqwa playwrites tas-seklu 20. Kellu 30 dramm li ttellgħu fuq Broadway, li ħafna minhom nħadmu bħala films, fosthom “The Odd Couple” (b’Jack Lemmon u Walter Matthau) u “Barefoot in the Park” (b’Robert Redfiord u Jane Fonda). Meta tieħu flimkien kemm il-darba ġie innominat għal Academy Awards (4 darbiet), Golden Globe Awards (3 darbiet), Emmy Awards (4 darbiet), Writers Guild Awards (10 darbiet) u Tony Awards (13-il darba), ebda kittieb ieħor tas-seklu 20 ma rċieva daqshekk rikonoxximent.Personalment, aktar segwejt il-karriera ta’ Neil Simon mill-perspettiva tad-drammi tiegħu li nħadmu bħala films. L-element konsistenti fl-istil ta’ kitba li kellu Neil Simon, kienet kif minn suġġetti serji ħafna joħloq il-kummiedja permezz ta’ sitwazzjonijiet li jpoġġi fihom il-karattri tiegħu u l-mod verbali ta’ kif jitkellmu. Kritiċi jiddeskrivu dan l-istil ta’ kummiedja bħala ‘sophisticated, urban humour’.
Tista’ tgħid li l-karattri tiegħu ġejjin mill-klassi medja Amerikana. Kien ipoġġi l-karattri wiċċ imb’wiċċ ma’ konflitti li jridu jiġu solvuti. Tema oħra rikorrenti kienet iż-żwieġ u l-familja. Neil Simon kien jemmen f’familja monogramma (bejn raġel wieħed u mara waħda) għax hekk kien jemmen li jista’ jkollok stabilità fis-soċjetà. Min ma jaqbilx ma’ Neil Simon kien jikkritikah li hu ‘old fashioned’. Għalih mid-divorzju, ħadd ma kien joħroġ rebbieħ.
Jekk kelli nagħżel play li tirrappreżenta dan kollu, nagħżel ‘The Odd Couple’. Il-film ħareġ ħamsin sena ilu. Bażikalment, għandek lil Felix (Jack Lemmon). Martu titilqu u Felix jibda jaħseb biex iwettaq suwiċidju. Il-ħbieb tiegħu, li jkunu jiltaqgħu għand Oscar (Walter Matthau) biex jilgħabu l-karti, jibdew jitħassbu meta Felix ma jmurx jilgħab magħhom. Meta Felix eventwalment imur, jistaqsi jekk martu ċemplitx. B’Felix mgħandux fejn joqgħod, jiddeċiedi li joqgħod ma’ Oscar. Imma dawn it-tnejn ma kienu jaqblu f’xejn. Meta Oscar jipprova jirranġa ma żewġ nisa li jiġi joqogħdu fl-istess blokk ta’ appartament tagħhom, għall-ewwel Felix iħossu li sab ħajja ġddia. Imma wara jirrealiżża li din mhix triqitu.
Fl-1994, wara 25 sena jara suċċess wieħed wara l-ieħor fuq Broadway, Neil Simon sab ruħu ma jistax itella’ play oħra f’din il-mekka tat-teatru f’New York. Ir-raġuni kienet ekonomika. Filwaqt li 25 sena ilu, biex ittella’ play fuq Broadway, ridt mill-anqas $1.6 miljun biex tibda, jekk ittella’ play Off-Broadway dak iż-żmien kellek bżonn bejn wieħed u ieħor $660,000. Għaldaqstant, plays bħal ‘London Suite’ u oħrajn bdew jittellgħu Off-Broadway fejn biljett tad-dħul dak iż-żmien kien ta’ $40. ‘London Suite’ kienet suċċess għax il-pubbliku kien iħobbu lil Neil Simon.