Sarah Thomas fl-eta’ ta’ 12-il sena tiskopri li missierha kien qassis kattoliku. Għalkemm fit-tfulija għexet f’akkwata ta’ livell bażiku, tiftakar li kellha żmien sabiħ b’ċelebrazzjonijiet t’għeluq sninha u festi relatati bħal Milied u oħrajn.
Iżda aktar ma kibret irrealizzat li familtha ma kinitx bħal ta’ oħrajn. Lil missierha ma kinitx tafu u ommha kienet tgħidilha li kien lekċerer mill-Univerista’. Bħal ħasset xi ħaġa tgħidilha li dan ma kienx minnu u skopriet li kien qassis fil-prattika f’ Londra. Sarah ferħet bl-aħbar għax ħasbet li missierha se jilqagħha anke meta ommha spjegatilha li għamlu madwar sentejn flimkien u fl-eta’ ta’34 sena ħarġet tqila. Iżda ommha qaltilha wkoll li dak li kien se jkun missierha flok feraħ u waqaf mill-istudji tiegħu kif għamel sieħbu, li kien ukoll qed jistudja għal qassis u waqaf biex ikompli t-triq li jibni familja, kompla. Iżjed minn hekk, fil-preżenza ta’ qassis akbar minnu, ġie ssuġġerit li tmur twelled f’abitazzjoni mal-baħar u tagħti t-tarbija għall-adozzjoni. Dan ma riditx tagħmlu.
Maż-żmien ġieli bagħatilha wkoll flus fejn flimkien ma’ ittra dejjem kien jenfasizza l-fatt tas-segretezza, inkella l-flus jieqfu. Sarah tispjega li meta kellha tiltaqa’ ma’ missierha l-qassis, kienet ferħana u damet tipprepara iżda l-laqgħa ma marritx tajjeb. Il-qassis ħa counsellour miegħu u Sarah tgħid li ħassitha mbarazzatha tul il-laqgħa tant li ma qalegħtx għajnejha minn fuq saqajha. Tgħid ukoll li tħossha muġugħa sal-lum li missierha ma sarx il-ħabib kbir tagħha kif ħolmot u xtaqet.
Fl-Ingilterra jeżistu gruppi apposta għal ulied qassisin Kattoliċi bl-iskop li jgħinu lil dawn it-tfal li jsiru adulti maż-żmien biex jaċċettaw is-sitwazzjoni u joħorġu minn żmien mudlam. Dawn il-gruppi huma magħrufa bħala Coping International.