L-Università ta’ Malta skattat proċedura applikabbli fuq allegat każ ta’ kkupjar minn akkademiku fl-istess Università.
Fi stqarrija l-Università ta’ Malta kkonfermat dan u ċċarat li l-proċedura qed tittieħed skont ftehim kollettiv.
L-Università qalet li f’dan l-istadju mhux se żżid iżjed kummenti.
Fl-aħħar jiem id-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ Soċjali, il-Professur Andrew Azzopardi ġie akkużat li kkopja xogħol tal-Professur Saviour Formosa u l-Professur Janice Formosa Pace.
Azzopardi baqa’ ma ċaħadx l-akkuża li kkopja xogħol kollegi tiegħu u qal biss li dak li sar ma kienx intenzjonat.
Min-naħa tiegħu, il-Professur Formosa sostna li kieku studenti jinqabdu jikkopjaw, dawn iħallsu l-konsegwenzi.
Il-każ huwa dwar preżentazzjoni akkademika bit-titlu “Risk and Protective Factors in Violent Youth Crime”.
Ir-riċerka ġġib il-firma wkoll ta’ ċertu Andrew Camilleri.
Din ġiet ippubblikata mill-Università wara skrutinju ta’ bord editorjali.
Din il-preżentazzjoni akkademika mbagħad ġiet irtirata minnufih fuq l-akkuża ta’ ikkupjar.
“Li student jikkopja xogħol ħaddieħor hu diġà tat-tħassib, iżda li akkademiku u research support officer jikkopjaw pubblikazzjoni ta’ kollegi b’mod sever ma jitwemmnux f’din l-alma mater,” kiteb il-Professur Formosa.