Il-Kumitat dwar il-liċenzjar tal-Bennejja jixtieq jinforma lill-applikanti ġodda, li applikaw għal-liċenzja tal-bennejja, li dan il-proċess wasal fil-fażi finali tiegħu.
Din hija riforma oħra bil-għan li ttejjeb is-Saħħa u s-Sigurtà ta’ dawk kollha li huma parti minn dan is-settur, il-benesseri tat-terzi li jmissu ma’ siti ta’ kostruzzjoni u kif ukoll dawk kollha li se jkunu qegħdin jinvestu fi propjetà.
Il-kisba tal-liċenzja se ssir permezz ta’ erba’ stadji differenti, li jinkludu laqgħat informattivi u edukattivi, sessjonijiet u eżamijiet.
Nhar il-15 ta’ Ottubru, ser ikunu qed jitgħellu żewġ laqgħat ta’ informazzjoni, bil-Malti u l-Ingliż, sabiex ikun spjegat il-proċess li ser jintuża għall-kisba ta’ din il-liċenzja u kif ukoll sabiex dak li jkun ikun jista’ jikseb aktar għarfien dwar l-eżamijiet li ser ikunu qed isiru fil-ġimgħat li ġejjin.
Il-laqgħa bl-Ingliż se tkun qiegħda tittella’ fl-4:00 p.m., filwaqt li dik bil-Malti ser issir dakinhar stess fis-6:00 p.m. Il-Kumitat flimkien mal-Awtorità jirrakomandaw lill-applikanti kollha sabiex jattendu għal dawn il-laqgħat li ser issiru fl-Iskola Primarja Maria Reġina tal-Qawra.
L-applikanti ser ikunu wkoll obbligati jattendu erba’ sessjonijiet ta’ tagħlim bi preparazzjoni għall-eżamijiet b’rabta mal-kisba tal-liċenzja. Dawn is-sessjonijiet ta’ tagħlim ser ikunu qed jipprovdu lill-applikanti bl-informazzjoni bażika dwar il-ħiliet u l-għarfien li ser ikun mitlub fl-eżamijiet. Is-Sessjonijiet ser ikunu qed jitgħellu bejn it-22 u s-26 ta’ Ottubru, u ser ikunu provduti kemm bil-Malti u anke bl-Ingliż, skont ix-xewqa tal-applikant.
Dawk kollha li jkunu attendew għas-sessjonijiet ta’ tagħlim obbligatorju imbagħad ser ikunu mitluba jagħmlu żewġ eżamijiet, wieħed bil-kitba u ieħor tal-prattika. Għal dawn iż-żewġ eżamijiet mhux ser ikun permess l-użu tal-mobile.
Il-persuni kollha li kienu applikaw sabiex jiksbu din il-liċenzja qed jirċievu ittra bid-dettalji kollha meħtieġa. Dawk li għal xi raġuni ma rċevewx din l-ittra, għandhom jikkuntatjaw b’mod immedjat lill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA).
Il-Bennejja interessati għandhom jipprovdu koppja tal-Karta tal-Identità tagħhom lill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni sa nhar it-Tlieta 15 ta’ Ottubru. Min ma jagħtix din il-kopja ser ikun meqjus li mhuwiex interessat ikompli bl-applikazzjoni tiegħu jewtagħha għall-kisba ta’ din il-liċenzja.
Intant, kull min għandu bżonn jikseb aktar informazzjoni għandu jċempel lill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni fuq in-numru 138.