L-Erbgħa filgħodu skatta l-proċess ta’ Konferenza Nazzjonali biex f’pajjiżna jiġi introdott il-miscarriage leave.
Dan qed isir wara li l-Prim Ministru Robert Abela kien ħabbar li kienu bdew diskussjonijiet dwar dan is-suġġett.
Waqt din il-konsultazzjoni, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul spjega li l-għan wara din il-konsultazzjoni hija biex jisimgħu kemm jista’ jkun lil kull min jista’ jikkontribwixxi għal din id-diskussjoni fosthom ġenituri, għaqdiet, imsieħba soċjali u anka professjonisti.
Is-Segretarju Parlamentari sostna li l-ammont ta’ nies li resqu ‘l quddiem f’dan il-qasam kien wieħed impressjonanti. U kien għalhekk li ħabbar li se jkunu qed jiġu organizzati laqgħat ta’ konsultazzjoni oħrajn biex jismgħu lil kulħadd.
Huwa tenna li t-telf tat-tqala kien suġġett li ħadd ma jitkellem dwaru. Dan minkejja li statistika f’dan ir-rigward tgħid li l-każijiet ta’ miscarriage jammontaw għal kważi elf fis-sena.
Ellul tenna li din mhijiex esperjenza medika imma mentalment u fiżikament. Dan għaliex ġenitur prospettiv ikun tilef ftit minnhu u jkollok irġiel li qas jipproċessaw dak li ġara.
Hawn intqal kif Malta għandha tkompli tkun fuq quddiem nett għad-dinjita tal-ħaddiema.
Is-Segretarju Parlamentari Ellul spjega li l-ispejjeż tal-leave se jkun qed jerfahom kollha l-Gvern u l-Gvern mhux se jkun qed jagħmel distinzjoni bejn il-proċess naturali tat-tqala u bejn proċess tal-IVF.
F’din il-konsultazzjoni tkellmu żewġ personalitajiet li qasmu l-esperjenzi tagħhom b’rabta ma’ miscarriage, fosthom Yazmin Farrugia Helledie dwar kif ħames xhur ilu ħadet l-aħbar li l-qalb tat-tarbija waqfet tħabbat ta’ sitt ġimgħat. Meta qasmet l-esperjenza tagħha fuq il-midja soċjali, mijiet ta’ persuni tkellmu magħha u rrelataw mal-esperjenza tagħha.
Hija tenniet li l-leave ta’ miscarriage m’għandux ikun lussu imma dritt għaliex din is-sitwazzjoni ġġib diffikultajiet kbar.
Qasmet l esperjenza kiefra tagħha wkoll, Melanie Kelly li sfortunatament kellha twelled it-tarbija tagħha mejta. Hija tenniet li dan il-miscarriage leave se jagħti l-ispazju lill-ġenituri biex jieħdu ħsieb lilhom infushom biex meta jmorru lura x-xogħol ikunu aktar produttivi.
Aqra wkoll: