Il-President George Vella u s-Sinjura Miriam Vella segwew il-proċess tal-istampar tal-pubblikazzjoni “Tisjir mill-Qalb 2022” qabel ma toħroġ għall-bejgħ b’risq The Malta Community Chest Fund. Din hija t-tlettax-il edizzjoni ta’ din is-sensiela.
Fil-pubblikazzjoni ta’ din is-sena, 13-il kok qed jippreżentaw 73 riċetta tradizzjonali Maltija – ilkoll magħmulin minn prodotti lokali friski. Dawn jinkludu fost oħrajn ġulepp tal-ħarrub, torta tal-qara’ aħmar u z-zalzett tal-Malti, il-kusksu, is-soppa tal-armla, u l-istuffat tal-qarnit u l-bebbux. Tonn frisk ta’ Malta miksi bil-kafè, pulpetti tal-lampuki, fenek bit-tin ta’ San Ġwann u krema tal-mustarda, mazzit, stuffat tal-bebbux bil-ħxejjex aromatiċi, biskuttini tar-raħal, u imbuljuta tal-qastan u ħafna aktar.
Waqt żjara lill-ħaddiema tal-kumpanija Best Print, fejn qed jiġi stampat il-ktieb, il-President Vella radd ħajr lil kull min ta’ sehmu fil-produzzjoni “Tisjir mill-Qalb 2022”. Qal li din il-pubblikazzjoni mhux biss qed tgħin b’mod konkret biex jintlaħqu l-għanijiet nobbli ta’ The Malta Community Chest Fund, imma qed tiċċelebra wkoll il-valur tal-prodott lokali u l-bżulija ta’ dawk li mis-sebħ sad-dlam jaħdmu bis-sħiħ u fis-skiet biex ikollna ikel mimli benna. Il-President Vella rrimarka li meta nkunu qed nagħżlu prodotti mkabbra u maħduma lokalment inkunu verament qed nagħmlu l-almu tagħna biex nippromwovu l-valur tax-xogħol Malti, filwaqt li nkunu ta’ xprun għal dawk iż-żgħażagħ li jixtiequ karriera fil-qasam agrikolu jew gastronomiku. “Bħala pajjiż ċkejken u bi ftit riżorsi naturali, għandna nkunu aktar kburin bil-prodott Malti”, żied jgħid il-President.
Nhar il-Ħadd 27 ta’ Novembru, il-President Vella se jkun qed jiffirma kopji tal-ktieb “Tisjir mill-Qalb 2022” waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb fiċ-Ċentru għall-Fieri u l-Konvenzjonijiet (MFCC), f’Ta’ Qali.