Wara waqfa qasira minħabba l-festi, l-avventura tas-7 parteċipanti tkompli nhar it-Tnejn 6 ta’ Jannar, mill-Każakistan. Nistgħu niżvelaw xi sitwazzjonijiet li ser jinqalgħu waqt il-programm ta’ nhar it-Tnejn, fost l-oħrajn argument jaħraq ħafna bejn Soraya u Nicholas, waqt l-isfida tar-roti. Nicholas deċiż li ma jaqtax qalbu u determinat li jkompli l-isfida sal-aħħar, filwaqt li Soraya takkuża lil Nicholas li huwa egoist u qed jitfa’ lill-grupp kollhu lura.
Huwa fatt magħruf, li hekk kif matul l-avventura bdew joħorgu verament il-karattri ta’ kull parteċipant u l-avventura tal-parteċipanti qabdet ir-ritmu, mill-ewwel beda jberraq bl-ikrah u kien jidher evidenti li l-parteċipanti kellhom opinjonijiet differenti li finalment bdew jirriflettu fil-qsim tal-grupp.
Dawn l-opinjonijiet u argumenti jaħarqu bejn uħud mill-parteċipanti matul il-programm, tant eskalaw li komplew anke fuq il-midja soċjali u qajjmu kontroversja kbira fost il-parteċipanti tal-programm.